Lokali
Dentista marida bil-kanċer iżda ma waqfitx tagħti servizz lill-pubbliku matul il-pandemija

Sitt snin ilu, id-dentista Ethel Vento Zahra nstab li għandha kanċer li llum jinsab fir-raba’ stadju wara li mis-sider mexa għal partijiet oħra ta’ ġisimha.

“Metastatic breast cancer hija xi ħaġa li ma tistax tiġi kkurata però tista’ tiġi kkontrollata.”

Minkejja t-tbatija fiżika u diversi sfidi, Dr Vento Zahra baqgħet tagħmel ħilitha kollha biex tgħix il-ħajja b’mod normali. Sa qabel bdiet il-pandemija tal-COVID-19, kienet tidħol xogħol l-uffiċċju u tara l-pazjenti fil-klinika tagħha.

“Bil-Covid, l-affarijiet inbiddlu daqsxejn mhux ħażin. Inbidel il-mod kif jiena nieħu t-trattament. Il-fatt li pereżempju mat-trattament nieħdu swab test kull darba biex kulħadd ikun safe. Inbidel ukoll il-fatt li ma bqajtx noħroġ mid-dar.”

Għal aktar minn sena ħadmet mid-dar, Ix-xogħol għal Dr Vento Zahra ma naqasx, anzi, hi waħda mill-frontliners tad-Dipartimet tas-Saħħa Pubblika. Qattgħet sigħat twal tassisti lill-pubbliku f’diffikultajiet u mistoqsijiet li jibgħat bl-email marbuta mal-pandemija. Ħarrġet ukoll persuni oħra f’dan ix-xogħol.

“Jien l-unika ħaġa li jiddispjaċini li ma nistax inkun frontliner, as in mal-pazjent, għax jien għalija x-xogħol hija xi ħaġa importanti.”

Dr Vento Zahra baqgħet tassisti lill-pubbliku anke meta kienet tmur għat-trattament l-isptar. . . u fi żmien il-COVID kien ikollha tmur waħedha.

“Mill-banda kien jagħmilli kumpanija l-laptop ukoll tax-xogħol għaliex waqt li kont inkun għat-treatment insib naqra kif ngħaddi l-ħin. Jiena kont qed nagħti ftit għajnuna iktar milli forsi kien hemm bżonn as in mil-lok tax-xogħol u x-xogħol kien qed jgħin lili fl-istess ħin. Naqra give and take speċi.”

Il-ħidma ta’ Dr Vento Zahra ġiet rikonoxxuta matul il-ġimgħa tas-Servizz Pubbliku/ Hija ngħatat ir-rikonoxximent għal Servizz ta’ Livell Għoli Ħafna.

“Dal-aħħar kien qed ikolli naqra sorpirżi negattivi min-naħa tal-mard u tidħol l-isptar u l-mard tidħol l-isptar u l-covid minnu nnifsu u l-biża’ minnu. Din kienet sorpriża sabiħa jiġifieri apprezzajtha ferm.”