
Id-deputati li stqarrew li m’għandhomx fiduċja f’Adrian Delia qalu li se jibqgħu determinati li jġibu l-bidla meħtieġa fil-Partit Nazzjonalista u fil-pajjiż.
Qalu li għat-tieni darba f’ġimgħa ġie kkonfermat li Dr Delia m’għadux igawdi l-fiduċja tal-maġġoranza assoluta tal-Membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, li qalu jridu lil Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Id-deputati qalu li l-President kellu d-dover li jneħħi lil Dr Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni u minfloku jaħtar dik il-persuna li tgawdi il-fiduċja tal-maġġoranza tal-membri parlamentari tal-oppożizzjoni, kif qalu tgħid il-kostitizzjoni.
Komplew li d-deċiżjoni tal-President tmur kontra dak li intqal minn għadd ta’ esperti kostituzzjonali li isimhom huwa pubbliku u mhux baqa’ moħbi.
Intant, Dr Comodini Cachia qalet li se tibqa’ determinata li sservi lill-pajjiż u lill-Partit Nazzjonalista speċjalment fid-dawl tal-għaqda li ġabet fl-aħħar jiem fost il-Membri tal-Grupp Parlamentari u t-tama li qalet taw lin-nies bil-pass kuraġġjuż li ħadu.
Ara wkoll:
Il-President iddeċieda li Adrian Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni
Adrian Delia jgħid li d-deċiżjoni tal-President dwar il-kariga tiegħu għandha tkun rispettata