Saħħa
Dermatoloġista jwissi li l-ġisem jibqa’ jiftakar kull doża xemx li jieħu

Id-dermatoloġista Lawrence Scerri wissa li l-ġisem jibqa’ jiftakar kull doża ta’ xemx li jieħu anke jekk jgħaddu ħafna snin.

It-tabib li jispeċjalizza fil-kura tal-ġilda kien mistieden tal-programm TVAM.

Huwa kkalkulat li kull sena jfeġġ 100 każ ta’ melanoma, l-iktar kanċer tal-ġilda perikoluż, u tmut waħda minn kull tmienja.

Dr Scerri rrimarka li bejn l-aħħar ta’ April u l-aħħar ta’ Settembru r-raġġi tal-UV jkunu sebgħa jew aktar u għalhekk irridu noqgħodu attenti.

Huwa semma kif dawk li huma somor min-natura għandhom iktar protezzjoni u nfatti l-każijiet ta’ kanċer tal-ġilda fihom huwa inqas.

Min-naħa l-oħra dawk li għandhom ġilda bajdanija huma iktar suxxettibbli u għalhekk iridu joqgħodu aktar attenti.

Dawk li huma somor b’mod naturali għandhom iktar protezzjoni u għalkemm jeżisti kanċer tal-ġilda fosthom huwa inqas frekwenti.

Dr Scerri wissa li l-agħar ħin biex toqgħod fix-xemx huwa bejn l-10.00 a.m. u l-4.00 p.m.

Għalkemm issuġġerixxa li l-persuni jindilku bil-kremi ta’ protezzjoni fakkar li kull darba li tindilek l-effett idum għal sagħtejn jew tlieta biss u għalhekk trid terġa’ tagħmel.

Fl-istess waqt wissa li mhux imbilli persuna toqgħod taħt umbrella għax ir-raġġi tax-xemx jirriflettu fuq ir-ramel u l-baħar u ħeġġeġ biex in-nies jilbsu ħwejjeġ ħfief.

Waqt li esprima s-sodisfazzjon li f’Malta m’hawnx ‘tanning salons’, anke għax hawn biżżejjex xemx, huwa wissa li r-raġġi jgħaddi mill-ħġieġ u għalhekk tajjeb li l-karozzi jkollhom ‘tinted glass’.

Dr Scerri semma wkoll li wieħed minn kull 10 każijiet ikun każ ta’ ġenetika jiġifieri mhux għax il-persuna toqgħod fix-xemx.

Fit-tfal u l-adoloxxenti l-każijiet huma rari madankollu esprima d-dispjaċir li liż-żgħażagħ iktar diffiċli tikkonvinċihom jieħdu l-prekawzjonijiet.

Dr Scerri appella lil dawk li għandhom numru ta’ għazz biex joqgħodu attenti ħalli jaraw ikunx hemm xi bilda fihom għalkemm innota li minn kull 200 każ li jara jkun hemm każ wieħed li jirriżulta f’każ ta’ melanoma.

Mill-każijiet li naraw f’Malta huwa jikkalkula li minn bejn 100 u 120 li jfeġġu 45 minnhom ikunu invażivi jiġifieri jkun ġie ppenettrat l-ewwel saff tal-ġilda mentri 70 le.

Dwar iċ-ċifra ta’ bejn 8% u 9% ta’ mwiet Dr Scerri qal li din mhix ċifra li tinjoraha.

Huwa esprima s-sodisfazzjon li matul dawn l-aħħar 20 sena ta’ kampanja biex titqajjem kuxjenza dwar il-kanċer tal-ġilda kien hawn bidla fil-mentalità u iktar nies saru konxji tal-perikli.