Lokali
Deroga għall-istaġun tal-insib tal-pluviera u malvizz

L-istaġun għall-insib tal-malvizz se jiftaħ nhar it-Tlieta, it-20 t’Ottubru 2020 u jibqa’ miftuħ sal-Ħamis 31 ta’ Diċembru 2020, iż-żewġ dati inklużi. Dan filwaqt li l-istaġun għall-insib tal-pluviera se jiftaħ il-Ħadd, l-1 ta’ Novembru 2020 u jibqa’ miftuħ sal-Ħadd, 10 ta’ Jannar 2021, iż-żewġ dati inklużi.

Il-ħinijiet permessi għall-insib tal-malvizz u l-pluviera huma minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx, matul il-ġranet kollha tal-istaġun. L-insib billejl huwa pprojbit.

Fi stqarrija ngħad li l-kwota nazzjonali tal-malvizz hija 5,000 u l-kwota nazzjonali tal-pluviera hija 700. L-istaġun għall-ispeċi jagħlaq malli tintlaħaq il-kwota nazzjonali tagħha u jibqa’ miftuħ għall-ispeċi l-oħra li l-kwota tagħha tkun għadha ma ntlaqħitx. M’hemmx kwoti individwali, la tal-istaġun u lanqas tal-ġurnata.

Kull malvizz jew pluviera mlibbsa ċurkett xjentifiku jew satellite-tag li jinqabdu jridu jitniżżlu d-dettalji tagħhom fuq il-formola taċ-ċrieket maħruġa f’isem in-nassab (mhux rappurtati permezz ta’ SMS) li rċieva mal-liċenzja speċjali u jitħarrbu immedjatament.

Il-formoli taċ-ċrieket u l-kalendarju bid-dati meta n-nassab ħareġ jonsob iridu jiġu rritornati kollha lura lill-MaltaPost skont kif ser ikun indikat f’ittra li n-nassaba kollha ser jirċievu f’Jannar 2021, anke jekk in-nassab ma jkunx qabad imlievez jew pluvieri b’ċurkett xjentifiku jew satellite-tag jew ma nasabx.

Jistgħu jintużaw sa żewġ imnasab minn dura waħda dment li ġew reġistrati għas-sena 2020 u inklużi fil-lista tal-coordinates li ppubblikat it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) fuq is-sit elettroniku tagħha.

Il-malji tax-xibka għall-malivizz biss, jew għall-pluvieri u mlievez f’daqqa jridu jkunu mhux inqas minn 35mm x 35mm, sa massimu ta’ 38m² kull xibka. Il-malji tax-xibka għall-pluvieri biss iridu jkunu mhux inqas minn 45mm x 45mm, sa massimu ta’ 60m² kull xibka.

Il-pluvieri u l-imlievez użati għall-għajjat jew għat-taħrik iridu jkunu mlibbsa ċurkett li jintuża darba: aħmar għall-pluvieri u isfar għall-imlievez.

Għajjat u taħrik huma permessi sa massimu ta’ 10 b’kollox (eż: 8 pluvieri u 2 t’imlievez) anka jekk ikun hemm aktar minn persuna waħda liċenzjata fuq l-istess stazzjon tal-insib. Mhux permess użu ta’ tisfir irrekordjat minn qabel tal-pluvieri jew imlievez.

Kull malvizz u pluviera li jinqabdu jridu jiġu rrappurtati immedjatament permezz ta’ SMS fuq in-numru indikat f’kundizzjoni 13 tal-liċenzja speċjali.

Kull min jirrapporta qbid ta’ malvizz jew pluviera jirċievi ittra f’Jannar 2021 bl-ammont ta’ ċrieket li jrid jixtri mill-MaltaPost.

Kull nassab huwa legalment obbligat jirrapporta xi jkun qabad immedjatament, kif spjegat fil-liċenzja speċjali. L-istaġun għall-ispeċi rilevanti jingħalaq ladarba tintlaħaq il-kwota ta’ dik l-ispeċi. Tali kwota hija skont kif mitlub mid-Direttiva tal-Għasafar u għandha tiġi rispettata sabiex ikun aċċertat li d-deroga tiġi implimentata b’mod korrett.