Storja
Destin kiefer għal raġel li kien seraq pissidi b’ostji kkonsagrati f’Bormla

Taf għaliex fil-Birgu hemm post jgħidulu “fejn sabu s-Sinjur”? U li Carmelo Borg Pisani kien l-uniku persuna f’Malta li ffaċċja akkuża ta’ tradiment kontra l-istat u spiċċa ħallas il-prezz b’ħajtu?

Mill-istorja kriminali ta’ pajjiżna jirriżulta wkoll li fil-ħabs seħħew delitti, u kellna Prim Ministru fil-mira ta’ attentat fuq ħajtu.

F’mitejn u għoxrin sena nqatlu aktar minn 570 persuna. Iżda l-kriminalità ma tikkonsistix biss fl-omiċidji. Komuni ħafna s-serq. Fl-aħħar snin l-akbar serqiet seħħew minn ħwienet tad-deheb u ġojjelli jew minn banek. L-ewwel serqa minn bank saret fl-1915, mill-Banco di Malta fil-Belt.

Minn dawn kellek ukoll li spiċċaw bi qtil bħal ta’ kuntistabbli tal-Pulizija f’Ħal Qormi u ta’ impjegat ta’ bank fl-Imġarr. Iżda għas-saħħa tal-flus f’dak iż-żmien partikulari, ir-riċerkatur Eddie Attard jgħid li l-akbar serqa tibqa’ dik fit-telgħa ta’ ħdejn il-Moskea f’Raħal Ġdid fl-1948. Fil-mira tal-ħallelin trakk bil-flus tal-pagi tat-tarzna.

“Dawk li kellhom ikunu l-flus għall-ħaddiema tat-tarzna meta nsterqu madwar 127,000 lira li l-purchasing value tagħhom ifisser miljuni. Is-serqa kienet ġiet solvuta però kien stramb li t-tfittxija għall-flus ma tkomplietx u l-flus ma nstabux kollha,” qal is-Sur Attard.

Serq mill-knejjes kien iwassal għal agħa nazzjonali, bħal dik tal-1837 mill-Knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla, bid-destin tal-ħalliel f’għajnejn ħafna kien turija li ‘d-dnub ma jorqodx’.

“Kien insteraq il-pissidi bl-ostji mqaddsa u wara l-pissidi kien instab, u l-post fejn instab illum hemm kappella żgħira magħrufa ‘fejn sabu lis-Sinjur.’ Dak li seraq intbagħat għomru l-ħabs u ftit wara inqatel minn wieħed mill-priġunieri fil-ħabs,” spjega s-Sur Attard. Qal li dan ma kienx l-uniku qtil fil-ħabs, hekk kif fl-1925 nqatlu 2 uffiċċjali tal-ħabs minn wieħed mill-priġunieri.

Prim Ministru ta’ Malta kien fil-mira ta’ attentat fuq ħajtu: Gerald Strickland.

“Kien il-Qorti f’Mejju 1930 meta ġew sparati tliet tiri fid-direzzjoni tiegħu u ma kienx intlaqat. Kien hemm 2 Pulizija li ħatfu lil dak li spara u li eventwalment spiċċa mar 15-il sena ħabs.”

‘Il fuq minn 40 sena ilu Eddie Attard, dak iż-żmien Pulizija, daħal għall-isfida li jirriċerka u jikteb l-istorja kriminali ta’ Malta minn żmien l-Ingliżi sal-lum; territorju ġdid ta’ riċerka b’dan ix-xogħol kollu għadu kemm ippubblikah fil-ktieb “Kronaka ta’ Ġrajjiet Kriminali f’Malta”.

Jitratta wkoll bosta riformi bħal dawk tal-bidu tas-snin sebgħin meta spiċċa minn reat li jkun hemm attività sesswali bejn persuni tal-istess sess u l-adulterju fejn il-Pulizija kienu jieħdu passi kemm-il darba l-parti offiża kienet tagħmel rapport.