Eurovision
Destiny b’suċċess ieħor … tirbaħ il-Wiwibloggs Scoreboard

Il-Malti jgħid fuq tlieta toqgħod borma u għat-tielet darba l-kantanta Maltija Destiny rebħet premju ieħor dak tal-Wiwibloggs Scoreboard.

Fis-7 ta’ Mejju, lejlet il-bidu tal-vjaġġ tagħha lejn Rotterdam, il-kantanta Maltija Destiny kien irnexxielha tirbaħ l-premju għal din is-sena tal-OGAE, l-organizzazzjoni li tiġbor fi ħdan 43 fan club tal-Eurovision Song Contest minn madwar id-dinja. Din kienet l-ewwel darba li Malta rnexxielha tirbaħ din il-kompetizzjoni minn kemm ilha tiġi organizzata din il-kompetizzjoni.

Jumejn ilu, il-kantanta Maltija Destiny rebħet l-OUTmusic Award imtella’ mill-OUTtv li sar fiċ-ċentru tal-midja f’Ahoy Rotterdam. Ilbieraħ rebħet premju ieħor dak tal-Wiwibloggs Scoreboard.

Destiny rebħet il-Wiwibloggs Scoreboard b’187 punt. Din hija kompetizzjoni minn sit li janalizza mill-qrib il-Eurovision Song Contest. Dan is-sit huwa popolari ħafna fost is-segwaċi tal-Eurovision li jilħaq għexieren ta’ eluf ta’ udjenza matul il-ġranet tal-Eurovision.

Il-pajjiżi kollha li qed jieħdu sehem fil-Eurovision Song Contest 2021 għamlu l-ewwel prova tagħhom b’uħud minnhom għamlu tnejn. Qabel mal-kantanti jitilgħu fuq il-palk f’Rotterdam Ahoy, il-bloggers tas-sit Wiwibloggs għażlu l-kanzunetta favorita tagħhom.

Din mhux l-ewwel darba li dan is-sit għaraf il-ħiliet tal-kantanta Maltija. Wara t-tieni prova tagħha, is-sit Wiwibloggs faħħar ħafna l-leħen uniku tal-kantanta Maltija u l-ħakma tal-palk eċċellenti li kellha.  Huwa wkoll kien għażel lil Destiny bħala l-aqwa kantanta solo tal-Eurovision ta’ din is-sena.