Lokali
Destiny b’verżjoni klassika ta’ Je Me Casse mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta

F’anqas minn tliet sigħat l-artista Maltija Destiny se tniedi verżjoni klassika tal-kanzunetta Je Me Casse, il-kanzunetta li biha se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovsion Song Contest f’Rotterdam f’Mejju li ġej.

Il-kanzunetta ġiet irrekordjata flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta b’arranġament mużikali li hu mifhum li se joħroġ aktar fid-deher il-kapaċitajiet mużikali tal-artista Maltija.

Ritratt ippubblikat fuq il-profil tagħha ta’ Instagram juri lil Destiny fl-isfond ta’ għadd ta’ mużiċisti tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u f’post storiku fil-Belt.

Il-kantanta ta’ 18-il sena qalet li meta kanzunetta taddatta lilha nnifisha tant tajjeb għal verżjonijiet differenti, hija xhieda ħajja tal-valur u l-versatilità tagħha.

Il-verżjoni klassika ta’ Je Me Casse se tkun qed tixxandar illum fil-5.00 p.m. fuq is-sit uffiċjali tal-Eurovision. Din il-verżjoni tistgħu ssegwuwha wkoll fuq tvm.com.mt