Eurovision
Destiny mhux se tieħu sehem fil-ftuħ tal-Eurovision minħabba każ ta’ Covid fid-delegazzjoni tal-Iżlanda

Diżappunt għal bosta li kienu qed jistennew bil-ħerqa li jaraw lil Destiny fuq it-tapit l-aħdar fil-ftuħ uffiċjali tal-Eurovision Song Contest illum.

Destiny mhux se tkun qed tieħu sehem f’din iċ-ċerimonja bħala prekawzjoni, wara li ħareġ każ pożittiv ta’ Covid-19 fid-delegazzjoni tal-Iżlanda, wara każ ieħor f’dik tal-Polonja iktar qabel.

TVM jista’ jikkonferma li ħadd mid-delegazzjoni Maltija ma huwa pożittiv għall-Covid-19, iżda l-prekawzjoni ttieħdet minħabba li d-delegazzjoni Maltija tinsab fl-istess lukanda bħal dik tal-Iżlanda u l-Polonja.

Delegazzjoni oħra li wkoll kienet fl-istess lukanda u allura mhux se jkunu qed jipparteċipa fiċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ hija r-Rumanija.

Fi stqarrija tard waranofsinhar, il-Eropean Broadcasting Union (EBU) kkonfermat li Malta u r-Rumanija mhux se jkunu qed jieħdu sehem fil-ftuħ minħabba żewġ każi pożittivi ta’ Covid f’delegazzjonijiet oħra fl-istess lukanda.

L-EBU qalet li l-artisti kollha sarilhom PCR test ilbieraħ bi preparazzjoni għaċ-ċerimonja tal-lum, u li d-delegazzjoni ta’ Malta u dik tar-Rumanija issa se jkun qed isirilhom test ieħor.

Żiedet tgħid li l-Eurovision qed jittella’ bl-appoġġ tal-awtoritajiet Olandiżi, u li t-tir huwa li l-avveniment ikun wieħed sigur u ħieles mill-Covid-19.

Ara wkoll:

DIRETT: Kantanti jingħataw merħba fuq it-tapit l-aħdar fil-ftuħ tal-Eurovision