Eurovision
Destiny se tkanta fl-ewwel semifinali tal-Eurovision

Il-kantanta Destiny se tkanta l-aħħar waħda fl-ewwel semi-finali tal-Eurovision li se jsir f’Rotterdam, l-Olanda f’Mejju li ġej.

Waqt li llum l-European Broadcasting Union, l-EBU żvelat l-ordni ta’ kif se jitkantaw it-tlieta u tletin kanzunetta semi-finalista f’żewġ serati li se jsiru t-Tlieta 18 u l-Ħamis 20 ta’ Mejju, sar magħruf li l-kanzunetta ‘Je Me Casse’ se titkanta fis-16-il post minn daqstant kanzunetti fl-ewwel semi-finali. L-ewwel se titkanta l-kanzunetta tal-Litwanja waqt li qabel Malta se jkun hemm il-kanzunetta tal-Ukrajna.

Fit-tieni semi-finali se jieħdu sehem 17-il kanzunetta – l-ewwel titkanta ta’ San Marino u l-aħħar tad-Danimarka. Minn kull semi-finali jridu jgħaddu għaxar kanzunetti għall-finali tas-Sibt 22 ta’ Mejju fejn jingħaqdu wkoll Franza, r-Renju Unit, Spanja, l-Italja, l-Ġermanja u l-Olanda.

L-ordni tal-kanzunetti fiż-żewġ semi-finali ma saritx bil-polza iżda mit-team tal-produzzjoni skont il-ġeneru tal-kanzunetti bil-għan li jevitaw li kanzunetti simili jitkantaw wara xulxin.