Immigrazzjoni
Dgħajsa b’450 immigrant abbord – l-Italja tgħid li tinsab fl-ibħra Maltin u trid tidħol Malta

Il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini implika li vapur b’450 immigrant abbord kien fiż-żona tat-tiftix u salvataġġ ta’ Malta. Ikkwotat mill-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana ANSA, hu allega li Malta ma intervjenitx u issa l-vapur qabad triqtu lejn l-Italja. Salvini wissa lil Malta, lil dawk li jittraffikaw lill-persuni, u fi kiemu lil dawk li jriduha tat-tajbin li dawn l-immigranti mhumiex se jiddaħħlu l-Italja.

Mal-Ministru Matteo Salvini ngħaqad ukoll il-Ministru tat-Trasport Taljan Danilo Toninelli li qal li skont il-liġijiet marittimi hi Malta li trid tiftaħ il-port tagħha biex tieħu lil dawn l-immigranti. Sostna li l-Gwardia Costiera Taljana lesta tgħin u tagħti appoġġ lill-awtoritajiet Maltin, imma li trid tkun Malta li teħodhom. Sostna li Malta trid tagħmel id-dover tagħha.

Ikkuntattjat minn TVM, kelliem għall-Gvern qal li s’issa m’għandux aġġornament fuq dan il-każ, għalkemm qed isegwuh.

Dan l-iżvilupp seħħ wara li l-President Taljan Sergio Mattarella f’intervent rari fil-politika Taljan ħadem biex tintemm kwistjoni fil-koalizzjoni governattiva ħalli 67 immigrant jitħallew jinzlu l-art. L-intervent ta’ Mattarella rrabbja bil-kbir lill-Ministru tal-Intern Matteo Salvini. Mattarella ċempel lill-Prim Ministru Giuseppe Conte u espima t-tħassib tiegħu dwar il-kundizzjoni tal-immigranti. Fuq ordni tal-Ministru tat-Transport Danilo Toninelli l-immigranti ddaħħlu fil-port ta’ Trapani fi Sqallija.