COVID-19
Dgħajsa bi 80 ruħ abbord skortata lejn Buġibba

L-awtoritajiet komplew bl-infurzar tar-regolamenti biex titrażżan l-imxija.

Għall-ħabta tal-ħamsa tal-lejla, uffiċjali ta’ Transport Malta skortaw katamaran bi 80 persuna abbord lura lejn il-moll ta’ Buġibba mnejn telaq filgħodu biex allegatament jiġi organizzat party abbord.

Television Malta hu infurmat li fuq il-katamaran, li jesa’ sa 160 persuna, instab ammont kbir ta’ alkoħol. Il-maġġoranza tal-persuni abbord kienu barranin.

Hu mifhum li l-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali jistgħu joħorġu multi minħabba ksur tar-regoli marbuta mal-pandemija fosthom in-nuqqas ta’ żamma tad-distanza soċjali.

Il-persuni abbord intalbu jagħtu d-dettalji tagħhom għall-eventwalità li jkun meħtieġ isir eżerċizzju ta’ contact tracing f’każ li jiżviluppa każ ta’ Covid-19.

It-tfittxijiet għall-alkoħol saru mill-uffiċjali tal-Pulizija mill-Environment Protection Unit bl-għajnuna tal-uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta. Għadu mhux ċar jekk l-alkoħol huwiex ta’ sid il-katamaran jew tal-persuni li nstabu abbord l-opra tal-baħar.