COVID-19
Dibattitu dwar il-Covid-19 fil-Parlament

F’dibattitu dwar il-Covid, illum fil-Parlament id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li Malta se tkun minn tal-ewwel li se tirċievi l-vaċċin fil-bidu tas-sena d-dieħla, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech appella lill-Gvern biex jinforma lill-poplu u jserraħlu moħħu b’dak li għaddej.

Il-Kamra tad-Deputati ddiskutiet is-sitwazzjoni attwali tal-Covid 19, bil-Kap tal-Oppoħizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-pandemija heżżet id-drawwiet u ċertezzi tal-ħajja waqt li ġabet biża’ u tbatija. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista ma riedx jagħmel ballun politiku minn din is-sitwazzjoni u sostna li l-Gvern għandu jispjega x’wassal għaż-żieda fil-każijiet ta’ Covid fid-djar tal-anzjani u x’miżuri ttieħdu, waqt li rrimarka kif ħadd ma ha responsabbiltà għal dan. Tkellem dwar il-ħtieġa ta’ iktar investiment għal contact tracing aħjar u biex jonqos il-backlog tas-swabbing. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Grech sostna li importanti jieqaf l-indħil mill-Prim Ministru għax il-pajjiż ma jistax jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn, filwaqt li appella lill-Gvern biex jinforma lill-poplu u jserraħlu moħħu b’dak li għaddej.

Id-Deputat Prim Minsitru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li Malta se tkun fost l-ewwel grupp ta’ pajjiżi Ewropej li se tirċievi l-vaċċin li mistenni jasal f’Malta fil-bidu tas-sena d-dieħla. Wara mistoqsijiet li saru miż-żewġ naħat tal-Kamra, id-Deputat Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għamel ebda proposta ta’ x’missu jagħmel il-pajjiż biex inaqqas in-numri u jsolvi l-pandemija. Qal li l-kumitat ta’ azzjoni tal-Partit Nazzjonalista żbalja dwar ir-rapid testing, b’Dr Fearne jgħid li dak it-test ma jaħdimx. Spjega kif it-test li qed jiddaħħal Malta kien introdott fis-suq ftit ġimgħat ilu u jsir skont il-kriterji tal-għaqda dinjija tas-saħħa. Il-Minsitru Fearne ħabbar li 160 infirmier ġdid li għadhom kemm iggradwaw ġew impjegati kollha u sostna li fil-jiem li ġejjin se jiġu ngaġġati 200 infirmier ieħor. Id-Deputat Prim Ministru Fearne appella għar-responsabbiltà u d-dixxiplina biex il-pajjiż jegħleb din il-pandemija.