Temp
Diċembru b’40 siegħa ta’ xemx iktar milli mistenni

Kemm il-Maltin kif ukoll il-barranin li ddeċidew li jqattgħu l-vaganzi tal-aħħar tas-sena hawn Malta ġew ippremjati bi ġranet xemxin u temperaturi relattivament sħan f’Diċembru li għadda. Skont ir-rekords meteoroloġiċi, ix-xemx iddiet fuq Malta għal 211.7 sigħat matul l-aħħar xahar tal-2018; 40 siegħa iktar milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena.

Lejn l-aħħar ta’ Diċembru t-temp kesaħ sew, hekk kif it-temperaturi ħadu tisbita minn massimu ta’ 19.4°C fl-4 u l-5 tax-xahar, għal 5.7°C fit-28 tax-xahar, li kienet l-iktar temperatura baxxa rreġistrata fl-2018. Minkejja dan it-tibdil fit-temperaturi, il-kundizzjonijiet tat-temp baqgħu moderati matul dan ix-xahar, b’veloċità medja tar-riħ ta’ 10.1 knots u 30.2mm ta’ xita, minn liema 79% niżlet nhar l-1 ta’ Diċembru.

Minkejja l-fatt li s-sena ntemmet fuq nota xemxija, l-2018 kienet sena inqas xemxija minn dik ta’ qabilha. Madankollu, il-gżejjer xorta waħda gawdew minn medja ta’ iktar minn 236 siegħa ta’ xemx kull xahar bejn Jannar u Diċembru tas-sena l-oħra, li jammonta għal madwar 65% tas-sigħat ta’ binhar.

Lulju kien l-iktar xahar imdawwal u bl-inqas xita, hekk kif irreġistra 362.6 sigħat ta’ xemx u 0.4mm ta’ nida biss, filwaqt li Frar kien l-inqas xahar imdawwal b’136 siegħa ta’ xemx u kopertura medja tassħab ta’ 4.8 oktas.

L-għelieqi madwar il-gżejjer ħaddru sew matul l-2018. Dan hekk kif tkejlu madwar 599mm ta’ xita; 167mm iktar mill-2017 u 275mm iktar mill-2016. Għalkemm l-ewwel xahar tas-sena kien pjuttost xott, Frar fawwar il-bjar b’181.4mm ta’ xita. 117mm mit-total tax-xita għas-sena tkejlu fid-9 tax-xahar, li b’hekk sar it-tieni l-iktar jum fi Frar li fih niżlet xita mill-1923 ‘l hawn.

B’total ta’ 189mm ta’ xita u 16-il jum bir-ragħad, Ottubru kien l-aktar xahar li fih niżlet xita s-sena loħra u l-iktar xahar bir-ragħad li qatt ġie osservat.

B’medja ta’ 77%, il-livell tal-umdità t’Ottubru kien l-iktar wieħed għoli għas-sena l-oħra. L-inqas jum umduż tas-sena wasal wara l-iktar jum sħun għall-2018, it-13 ta’ Lulju.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Id-Dwana fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta waqfet passiġġier li kellu fuqu €34,220 fi flus kontanti mhux iddikjarati. Il-passiġġier kien sejjer l-Amman. Meta kien mistoqsi minn uffiċjal tad-Dwana dwar kemm kellu flus,…

Lokali

Studenti u żgħażagħ Għawdxin ta’ bejn is-16 u l-20 sena jistgħu jerġgħu japplikaw għall-iskema ‘work trial scheme for youths’ li permezz tagħha jgawdu minn ħlas ta’ €85 fil-ġimgħa għal total…

Qorti

Raġel ta’ 28 sena mix-Xagħra tressaq il-Qorti akkużat li f’diversi ġranet bejn il-15 u s-17 ta’ Ġunju 2019, f’diversi postijiet ġewwa l-gżira t’Għawdex, hedded, żamm persuna kontra l-volontà tagħha, u kiser…

Qorti

Joel Portelli ta’ 28 sena mir-Rabat Għawdex kien illiberat wara li kien akkużat li f’Awwissu 2017 ħebb għal martu u kkaġunalha feriti gravi. Kien akkużat ukoll li insulenta u hedded…

Aktar