Knisja Maltija
“Difensur tal-ħajja, anke fil-ġuf” – L-Arċisqof dwar San Ġużepp

L-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li San Ġużepp hu eżempju tajjeb ħafna ta’ difensur tal-ħajja, anke fil-ġuf, u appella biex l-insara jħarsu lejn il-missjoni tagħhom fid-dinja bl-istess sens ta’ dover, ġustizzja u bżulija li wera dan il-qaddis.

L-Arċisqof kien qed jitkellem f’festa Ġużeppina li ġabret fil-Belt lid-devoti ta’ dan il-qaddis, f’sena li matulha se jitfakkar il-150 sena minn meta l-Papa Piju disa’ poġġa lill-Knisja taħt il-protezzjoni ta’ San Ġużepp.

Xahrejn qabel ma’ l-Knisja tiċċelebra l-festa liturġika ta’ San Ġużepp, l-għaqdiet kollha f’Malta u Għawdex li jġibu l-isem ta’ San Ġużepp ingħaqdu fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt għall-bidu ta’ Sena Ġużeppina. Din se tfakkar għeluq il-150 sena minn meta l-Papa Piju IX ipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali.

Għall-quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, mal-fratellanzi ta’ San Ġużepp ingħaqdu l-każini tal-baned u għaqdiet oħra – bħal tal-armar u tan-nar – li b’mod jew b’ieħor għandhom rabta ma’ dan il-qaddis. Fl-omelija, l-Arċisqof Scicluna sejjaħ lil San Ġużepp bħala difensur tal-ħajja. Fakkar li hu kellu l-pjan li jkollu familja meta skopra li martu kienet qed tistenna tarbija mingħajr ma hu kellu sehem fiha. Żied li l-liġi kienet tagħtih d-dritt li jiddenunzja lil martu u Marija titħaġġar bil-konsegwenza li tmut hi u t-tarbija li kellha fil-ġuf. Minflok iżda, Ġużeppi nesa l-unur u d-drittijiet li tagħtih il-liġi u ddeċieda li jsalva lit-tnejn: lill-omm u ‘l iben.

L-Arċisqof Scicluna kkwota lil San Ġorġ Preca jgħid li d-devozzjoni vera tfisser imitazzjoni u qal lil dawk preżenti li jekk huma devoti veri ta’ San Ġużepp għandhom jimitawh fosthom billi jħarsu lejn il-ħidma u l-missjoni tagħhom bl-istess sens ta’ dover, ġustizza u bżulija li kellu San Ġużepp. L-Arċisqof żied jgħid li dan il-qaddis jgħallem l-ubbidjenza lejn ir-rieda ta’ Alla, minkejja li Alla ikkumplikalu ħajtu b’affarijiet li ma kinux sempliċi.

Għal din l-okkażjoni, it-toroq ewlenin tal-kapitali nbidlu f’vetrina ta’ armar Ġużeppin b’bandalori u pavaljuni minn bliet, irħula u komunitajiet li jiċċelebraw il-festa lil San Ġużepp. Dan l-armar kompla ħoloq atmosfera ta’ festa Ġużeppina biex wara l-quddiesa, saret purċissjoni bi statwa antika ta’ San Ġużepp meqjuma fl-istess Santwarju Bażilika u li għandha 325 sena. Apparti l-fratellanzi, il-purċisssjoni kienet akkumpanjata minn baned Ġużeppini li ngħaqdu f’banda waħda kbira.

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Il-Knisja f’Malta llum tiċċelebra l-festa tal-Beata Maria Adeodata Pisani. Il-ġurnata tal-festa kienet intgħażlet mill-Papa Ġwanni Pawlu II meta bbeatifika l-ewwel tliet Maltin f’ċerimonja fuq il-Fosos tal-Floriana f’Mejju tas-sena 2001. Il-ġurnata…

Kronaka

Raġel ittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30pm fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun. L-inċident seħħ bejn bejn vettura tal-għamla Toyota Aygo, li…

Stejjer Umani

Filmat ta’ tifel ċkejken ta’ 9 snin inxtered f’ħakka ta’ għajn mad-dinja kollha meta esprima d-dwejjaq li ħakmuh minħabba l-bullying. Fil-filmat miġbud minn ommu, Quaden Bayles jinstema’ jgħid li jrid…

Aktar