Lokali
Diferiti għal Diċembru l-każi ta’ libelli tal-Grupp DB kontra Daphne Caruana Galizia

Id-19-il libell li saru miċ-Chairman tal-Grupp DB Silvio Debono fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia mistennija li jkomplu jinstemgħu fil-Qorti f’Diċembru li ġej.

Is-Sur Debono kien fetaħ dawn il-libelli f’Marzu li għadda fuq sensiela ta’ stejjer li kitbet Caruana Galizia dwar it-trasferiment tal-art tal-Gvern fejn hemm l-Istitut tal-Istudji Turistiċi.  L-art in kwistjoni tinsab fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan u Debono għandu f’moħħu li jiżviluppaha f’lukanda, appartamenti lussużi u casino.

Dr Joseph Zammit Maempel talab għad-diferiment tal-każi biex il-familja tilħaq tingħata direzzjoni fid-dawl tal-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia ġimgħatejn ilu.  Min-naħa tiegħu Dr William Cuschieri iddikjara li huwa lest li jippreżenta xi affidavits marbuta ma’ dawn il-każi.

Dalgħodu, l-Avukat Zammit Maempel, f’isem Caruana Galizia, u l-Avukat Cuschieri, f’isem Silvio Debono, dehru quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, iżda la l-familja Caruana Galizia u lanqas is-Sur Debono ma kienu preżenti għas-seduta.