Diffiċli biex jikkomunikaw u bogħod mill-għajn, iżda mhux mill-qalb
Jamal u Turki huma aħwa mis-Sirja li ltaqa’ magħhom tvm.com.mt u huma qasmu l-esperjenza qarsa li għaddejjin minnha nieshom li jgħixu f’belt Sirjana fil-fruntiera mat-Turkija.
Jamal ilu hawn Malta tmien snin u żżewweġ Maltija waqt li Turik ilu hawn biss sena u nofs u ħalla lil martu u t-tliet uliedu żgħar warajh. Turik ra ħafna ġlied iseħħ quddiem għajnejn u anke l-qtil ta’ ħafna nies meta nqabad f’nofs il-gwerra.
L-aħwa huma mill-belt ta’ Aleppo, l-istess belt li rat dimostrazzjonijiet u ġlied kbir bejn ir-ribelli u dawk li jappoġġjaw lill-President Bashar Al-Asad sa minn Marzu ta’ tliet snin ilu l’ hawn.
Il-familja ta’ Jamal u Turki ukoll spiċċat vittma ta’ dan il-ġlied. Id-dar tagħhom iġġarfet waqt attakk u kellhom isibu kenn band’oħra, f’raħal fil-fruntiera bejn is-Sirja u t-Turkija, li fl-aħħar jiem spiċċa f’idejn il-militanti tal-istat Iżlamiku.
L-aħwa qalu lil tvm.com.mt li mhux dejjem ikunu jistgħu jikkomunikaw ma qrabathom għax fis-Sirja mhemmx servizz tat-telefon.
Qrabathom ikollhom jaqsmu l-fruntiera u jidħlu t-Turkija biex iċemplu lil xulxin. Turki qal ukoll li jixtieq jerġa jingħaqad ma familtu.
‘Il bogħod minn qrabathom u dak li hu għal qalbhom, iż-żewġ aħwa Sirjani f’Malta, baqgħu jħaddnu wħud mill-elementi tradizzjonali ta’ pajjiżhom.
Jamal u Turki illum fetħu negozju ta’ ikel tipiku Sirjan. F’ħanut mimli tifkiriet ta’ art twelidhom, fosthom inkwatru b’ritratt ta’ Aleppo, l-aħwa baqgħu iħaddnu l-kultura Sirjana. Qalu li għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn ħafna jaħsbu li l-ikel tagħhom hu bħal dak Tork, it-togħma hi differenti ħafna.
Iż-żewġt aħwa kellhom negozju simili f’art twelidhom, bil-ħanut f’Malta aktarx hu l-unika wieħed li jservi ikel Sirjan imsajjar mis-Sirjani.