Difiża: Is-Surġent ma kienx l-Għassa meta tħassru d-dettalji tal-isparatura

Tliet uffiċjali tal-Pulizija qablu li ritratti minn CCTV Cameras meħuda 20 minuta qabel ma allegatament tħassru dettalji mir-rapport dwar l-isparatura ta’ Paul Sheehan, juru li persuna tixbaħ ħafna lis-Surġent Leeroy Balzan Engerer kien miexi lejn id-dar tiegħu f’Tas-Sliema. Dan seħħ fit-22 ta’ Novembru, tliet ijiem wara l-isparatura li fiha kien involut l-ex xufier tal-ex Ministru Manwel Mallia.

Dan ħareġ waqt li bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra s-Surġent  Balzan Engerer akkużat li bagħbas il-provi billi ħassar dettalji fir-rapport uffiċjali dwar l-isparatura fil-Gżira mis-sistema elettronika tal-Għassa tal-Pulizija ta’ tas-Sliema.

Il-Prosekuzzjoni ressqet għadd ta’ xhieda fosthom is-Supretendent Alexandra Mamo li qalet li taf lil Balzan Engerer bħala persuna ħawtiela f’xogħolha, affidabbli u tal-affari tagħha. Hija spjegat li għalkemm ir-ritratti esebiti mid-difiża ta’ Balzan Engerer ma jurux wiċċu, mill-istatura u l-mod kif jidher miexi juru li jindika ħafna li huwa is-Surġent Balzan Engerer.

Ir-ritratti esebiti mill-Ispetur Sandro Camilleri li qed imexxi l-Prosekuzzjoni ttieħdu mis-CCTC tal-fergħa postali maġenb l-Għassa ta’ tas-Sliema, u skont il-ħinijiet ir-ritratti mill-filmat juru is-siegħa, 24 minuta u 30 sekonda ta’ wara nofs inhar.

L-espert imqabbad mill-Qorti dwar l-informatika l-Avukat Martin Bajada qal li l-informazzjoni minn fuq il-kompjuter tħassret fis-13.49.53. Id-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri sostnew li Balzan Engerer qatt ma kien fl-Għassa dak il-ħin meta tħassret l-informazzjoni, kif muri fir-ritratti esebiti.

Fi tmiem is-seduta l-Maġistrat Doreen Clarke tagħat il-ħelsien mill-arrest lis-Surġent Balzan Engerer fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €6,000 u li jrid jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kull nhar ta’ Ħamis.

Mid-diversi xhieda fosthom tas-Supretendent Alexandra Mamo ħareġ ukoll li mhux l-ewwel darba, anke jekk mhux permesibbli, li xi Pulizija jgħaddu l-password tagħhom lil membri kollegi li ma jkollhomx password tagħhom. Hija qalet li dan jiġri, u li hi taf bihom meta per eżempju jitpoġġew fl-Għasses tal-Pulizija, membri tal-Korp ġodda.

Minkejja li dan mhux permesibbli, iċ-ċirkostanzi kemm il-darba jkunu tali li bilfors biex ix-xogħol jibqa’ għaddej wieħed ikollu bżonn password biex jaħdem u dan anke meta wieħed ikun irid idaħħal fis-sistema rapporti li jagħmlu n-nies fl-Għasses tal-Pulizija.

Fuq domanda tal-Avukat Franco Debono jekk tafx li ttieħdu passi dixxiplinarji kontra membri tal-Korp li jgħaddu l-password lil xi Pulizija oħra, hija wieġbet fin-negattiv, u qalet ukoll li minn naħa tagħha hi qatt ma għamlet rapport f’dan il-kuntest.

Dwar il-password l-Avukat Martin Bajada qal li mill-istħarriġ li huwa rriżulta li hemm żewġ membri tal-Pulizija li m’għandhomx password tagħhom. L-ewwel xhud kien l-Ispettur Sandro Camilleri f’rapport rigward l-isparatura li kienet seħħet fil-Gżira, xi ħadd ħassar partijiet minn dan ir-rapport. Qal li saret inkjesta u ġew nominati diversi esperti fosthom l-Avukat Martin Bajada. Wara li saru l-verifiki fuq il-password irriżulta li din kienet l-akkużat.

Huwa qal li l-Prosekuzzjoni kkonfermat li kien l-akkużat li dak inhar kien xogħol u li kien fuq il-kompjuter u li daħal bil-password tiegħu fuqu, qam u telaq ‘l hemm,. Qal ukoll li l-akkużat qabad qam u telaq ‘l hemm.

Tenna li ttieħdet stqarrija wkoll lill-Kuntistabbli Luke Busuttil li dak inhar ukoll kien fejn sar ukoll ċekkjar fuqu u kellu jagħmel stqarrija. Wara tkellmu mas-Surġent Balzan Engerer li rrilaxxa stqarrija u kkonferma li kienu ċemplulu minn naħa tas-CMRU biex jaraw jekk kienx hemmx xi ħadd arrested.

L-Ispettur Camilleri qal li fuq l-Għassa tal-Pulizija hemm camera, imma din ma taħdimx u għalhekk kellhom jaraw is-CCTV Cameras, tal-fergħa tal-posta u bank li hemm fil-viċin. Huwa kompla jgħid li l-akkużat saħaq mal-Pulizija biex iġibu l-filmati tal-ħruġ u d-dħul mill-Għassa tal-Pulizija, sabiex ikun hemm aktar evidenza.

Ħareġ ukoll li filmat jidher Pulizija ieħor u meta dan kien mistoqsi ma rahx lill-akkużat ħiereġ mill-Għassa tal-Pulizija, minuta qabel u li deher fil-filmat, tenna li meta dan kien ġie mitkellem u qal li ma rahx.

L-Ispettur Camilleri qal li huwa ressaq lis-Surġent Balzan Engerer wara li ħa parir mingħand l-Avukat Ġenerali.

Xehed ukoll l-Ispettur Pierre Minuti li jaħdem fid-Dipartiment tal-Informatika fejn qal li hu jagħti l-korsijiet lill-membri tal-Korp tal-Pulizija, li jkunu jridu jgħollu livell tal-edukazzjoni tagħhom f’dan il-qasam u li hu dejjem saħaq mal-istudenti tiegħu fil-Korp biex il-password ma jagħtuha lil ħadd.

L-Avukat Martin Bajada qal li xi ħadd daħal fis-sistema fit-22 ta’ Novembru bil-ħin ikun 13.17.02 bil-ewwel erba’ paragrafi tar-rapport jitħassr fil-ħin ta’ 13.49.53. Is-Supretendent  Alexandra Mamo qalet li kien is-Surġent David Sant dwar dak li kien ġara. Qalet li ħadet xokk meta semmewlha lill-akkużat fejn dak jaqa’ taħt ir-responsabbilita’ taghħa u li hija taf kemm hu bniedem responsabbli.

“Is-Surġent Leeroy Balzan Engerer huwa uffiċjal li jaħdem u beda jidħol għal biċċa xogħol jibqa’ hemm biex ilestiha. Qabel ma jitlaq normalment jiġi ħdejja u jgħidli, nista’ mmur – meta suppost ikun ilu li telaq għal ħin twil.

“Meta ġiet murija r-ritratti, hija hawn qalet li minkejja li ma jidhrix wiċċu, jixbaħ ħafna lill-akkużat, fejn dan iħobb anke jieħu sehem fil-parati, u li hi tmur tara, fejn qalet li għandu l-istess fiżjonomija.

Is-Surġent Leeroy Balzan li għandu 31 sena u joqgħod Tas-Sliema qed jiġi mixli li nhar it-22 ta’ Novembru li għadda, ipprevena jew ostakola d-dħul ta’ data, installa jew biddel jew ħassar xi data jew dokumentazzjoni, u żvela password lil persuna mhux awtorizzata. Balzan qed iwieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Is-Surġent Leeroy Balzan Engerer li qed jiġi akkużat li bagħbas il-provi fil-każ tal-isparatura mill-eks xufier tal-Ministru Manuel Mallia. Balzan Engerer jinsab mixli li pprevjena li tiddaħħal, tinbidel jew titħassar informazzjoni f’sistema fl-Għassa ta’ tas-Sliema.

Akkużat ukoll li żvela xi password jew xi mod ieħor biex is-sistema tkun aċċessata minn persuni mhux awtorizzati. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Jesmond Micallef u Sandro Camilleri. Għall-imputat qed jidhru l-Avukat Franco Debono u Marion Camilleri.