Lokali
“Diġà qed jinġabru jitolbu quddiem it-tpinġija”

Bħal-lum 59 sena San Ġorġ Preca ħa l-aħħar nifs ta’ ħajtu. Il-memorja tiegħu iżda se tibqa’ mnaqqxa qalb il-komunità Ħamruniża, fejn għex u trabba, permezz ta’ tpinġija mal-appoġġ ta’ dar f’misraħ ċkejken fil-Ħamrun. Il-vapur tal-art ifakkar dan il-mezz ta’ trasport li kien jgħaddi mill-Ħamrun fi triqtu lejn il-Belt. Ma’ Television Malta, is-sid tad-dar stqarr li x-xbieha ma’ daru ta’ San Ġorġ Preca qed isservi biex in-nies imorru jitolbu quddiem it-tpinġija tal-qaddis Malti.

Bħall-Erbgħa fost il-Ġimgħa, Mario Calleja rċieva telefonata mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun għax kellhom proposta għalih. Riedu jpinġu lil San Ġorġ Preca mal-faċċata tad-dar tiegħu.

“Jien iġġennint mal-ewwel. Mhux bħas-soltu ngħidilhom issa naħsibha. Dak il-ħin stess għedtlu ibdew. Issir meta ssir. Ibdewha. Fil-fatt diġà qed nara ħafna nies hawnhekk jitolbu quddiemu jiġifieri saret xi ħaġa ta’ qima għalih.”

Mario Calleja għomru u żmienu devot ta’ San Ġorġ Preca. Minn dejjem ried jagħmel xi ħaġa mal-faċċata tiegħu.

“Ċerti nies kienu jgħiduli, Mario għandek faċċatta bħal dik, għedt lil xi ħadd jagħmel riklam ħalli taqla’ l-flus. U ma ridtx. Għax jien dejjem kont ngħid, jew nagħmel xi ħaġa tal-Madonna kieku jkolli l-flus jew tal-Bambin. Mur għidlu li iktar tard li dik ix-xewqa se tinqata’ u la kellu l-Bambin u lanqas il-Madonna, imma kellu jkun l-ewwel qaddis Malti kien jgħix hawnhekk fostna l-Ħamrun.”

Għal Mario Calleja, San Ġorġ Preca qed jimlielu l-vojt li ħallielu l-mewt tal-ġenituri tiegħu.

“Kultant inħosshom xi ftit imma jien quddiesa kuljum jiġifieri. Ispirani ħafna hux. Li iktar kemm nitolbu, iktar inkunu magħqudin ma’ Alla.”

It-tpinġija saret mill-artist Justin Bonnici taħt xemx taqli l-ankri x-xahar li għadda. L-artist qal li din kienet l-ewwel darba li pinġa xi ħaġa tax-xorta. Stqarr li mnalla kienet it-tpinġija ta’ San Ġorġ Preca għax irnexxielu jegħleb il-biżà mill-għoli.

“Użajt iċ-cherry picker biex nitla’ dak l-għoli. Issa jien terġa’ u tgħid kont wieħed li nibża’ mill-għoli.”

Din il-biċċa xogħol ħaditlu 25 siegħa. L-artist qal li għall-ewwel, il-Ħamruniżi ħasbuh qed jagħmel xi att vandalu fil-ġnien fejn hemm it-tpinġija…tant li spiċċaw biex irrapportawh.

“In-nies jgħidu xil-marelli qed jagħmel? Ċempel. Irrapporta. Imma mbagħad xħin ix-xogħol jifforma tarahom wiċċhom jinbidel.”

Dan ikkonfermah ukoll is-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut, li qal li r-residenti ma waqfux iċemplulu biex jirrapportaw lill-artist. Stqarr iżda li n-nies ma kinux jafu b’din l-idea għax il-Kunsill ried itihom sorpriża. Is-Sur Sammut spjega l-ħsieb ta’ din l-arti.

“Il-ferrovija għax kienet tgħaddi proprju minn hawnhekk allura xtaqna nfakkruha għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin u anke San Ġorġ Preca li anke għex hawnhekk u għamel ħafna ġid u hi x-xewqa tagħna li qaddis Malti ntuh iktar prominenza.”

San Ġorġ Preca miet bħal-lum 59 sena f’dar f’Santa Venera fejn qatta’ l-aħħar xhur ta’ ħajtu.