Infrastruttura
Diġà tpoġġew nofs il-puntuni fil-port tal-Imġarr

Il-komunità tas-sajjieda bbażata fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex dalwaqt se jkollha faċilitajiet aħjar, hekk kif miexi ġmielu x-xogħol fuq proġett li qed twettaq Infrastructure Malta bi spiża ta’ sitt miljun Ewro.Fil-jiem li għaddew, tpoġġew f’posthom l-ewwel tnejn minn erba’ puntuni ġodda fil-Menqa ta’ dan il-port wara li fix-xhur li għaddew inbnew mill-ġdid il-mollijiet u l-iskali.

Erba’ puntuni b’tul ta’ bejn 55 u 150 metru fil-jiem li tgħabbew fuq barkun li mill-Port il-Kbir f’Malta baħħar bihom għall-Port tal-Imġarr f’Għawdex. Il-puntuni se joffru 286 post għall-irmiġġ. Il-puntuni l-ġodda huma akbar minn dawk li kien hemm qabel, tant li se jiżdiedu b’madwar 90 il-postijiet għall-irmiġġ tad-dgħajjes tas-sajjieda. Is-sajjieda Għawdxin ilhom snin jistennew li jingħataw spazju fejn jorbtu b’mod aktar sigur id-dgħajjes u l-laneċ li bihom jaqilgħu l-għixien tagħhom waqt li jkollhom aċċessibilità aħjar.

Malli l-puntuni twasslu Għawdex, tniżżlu minn fuq il-barkun. Tnejn mill-puntuni diġà tqiegħdu f’posthiom mal-mollijiet il-ġodda, bit-tnejn l-oħra se jiġu stallati fil-ġimgħat li ġejjin. Kelliem għal Infrastructure Malta spjega li l-kuntratturi tal-aġenzija użaw 7,857 tunellata konkos u 630 tunellata azzar biex bnew mill-ġdid il-mollijiet u l-iskali fil-Menqa. Żied jispjega li l-proġett li qed jitwettaq b’investiment ta’ €6 miljun hu kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd tal-Unjoni Ewropea u mill-Ministeru għal Għawdex.

Il-proġett se jkun indirizza problema oħra: il-kwantita’ kbira ta’ ħama u materjali li nġemgħu f’qiegħ il-baħar tant li s-sajjieda kien qed ikollhom diffikulta’ jimmanuvraw id-dgħajjes u l-laneċ tagħhom. Bil-proġett, din il-parti tal-port se tkun tnaddfet u tfanndet b’madwar żewġ metri u nofs.

Infrastructure Malta se tagħmel ukoll faċilitajiet ġodda fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jisseparaw u jarmu l-iskart li jiġġeneraw mill-ħidma tagħhom. B’hekk jintlaħaq l-għan li l-Menqa fil-Port tal-Imġarr tkun tista’ tinżamm aktar nadifa.

B’mod ġenerali, il-proġett se jgħin biex din iż-żona tkun organizzata aħjar u tidher isbaħ ukoll. Minbarra s-sajjieda, dawn l-inħawi huma popolari wkoll ma’ ħafna Għawdxin, Maltin u turisti għal xi passiġġata sar-Ramla taż-Żewwieqa.