Lokali
Dikjarat null l-istudju dwar l-impatt ambjentali dwar il-Masterplan ta’ Manoel Island

L-Għaqda Ambjentali Flimkien għall-Ambjent Aħjar, qalet li wara li appellat għall-permess tal-Masterplan ta’ Manoel Island li ġie approvat mill-board tal-Ippjanar f’Marzu tas-sena li għaddiet, it-Tribunal tal-Ippjanar iddeċieda li l-istudju dwar l-impatt ambjentali huwa null, minħabba li wieħed mill-awturi tiegħu għandu kunflitt ta’ interess fil-proġett.

F’konferenza tal-aħbarijiet, l-Għaqda Flimkien għall-Ambjent Aħjar qalet li filwaqt li tilqa’ d-deċiżjoni tat-tribunal hija temmen li għandu jsir ukoll studju dwar l-impatt tal-proġett fuq is-saħħa tar-residenti, kif ukoll studju dwar l-impatt soċjali.

Il-koordinatur tal-FAA, Astrid Vella qalet li l-proġett ser ikollu impatt negattiv fuq il-Maltin kollha, filwaqt li appellat biex jiġi vvalutat il-prezz li dan l-iżvilupp għandu fuq is-saħħa.

F’reazzjoni ma’ Television Malta, il-Kap Eżekuttiv tal-Konsorzju MIDI, Mark Portelli qal li sakemm l-applikazzjoni tinsab wieqfa, qegħdin isiru investiazzjonijiet arkeoloġiċi taħt is-superviżjoni tas-Sovritendenza għall-Wirt Kulturali  f’siti sensittvi fil-madwar. Is-sur Portelli qal li l-istudju tal-impatt ambjentali l-ġdid ser jiġi sottomess lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, fil-ġimgħat li ġejjin.