Ikel
Dilettanti tal-ikel jikkompetu b’riċetti oriġinali fuq programm ta’ TVM

Illejla TVM se jxandar l-ewwel edizzjoni ta’ programm ġdid, The Malta BBQ League, li fih se jikkompetu diversi dilettanti tal-ikel bir-riċetti oriġinali tagħhom.

The Malta BBQ League huwa programm ġdid fuq Television Malta li fih se jikkompetu 12-il tim ta’ koki dilettanti li se jsajru r-riċetti tagħhom fuq il-BBQ.

Il-preżentaturi tal-programm – Dan u San – qalu li f’kull programm il-kompeturi se jkunu qegħdin isajru riċetti uniċi.

“Dawn huma grupp ta’ dilettanti, waħda mir-regolamenti hija li ma tistax tkun chef, inkella tirbaħ mill-ewwel, imma dawn huma dilettanti tal-BBQ speċifikament, li se jagħmlu, dejjem se jinqalgħu żewġ timijiet, tim, skond il-fażi tal-programm se nkunu”.

Minbarra l-kreattività fit-tisjir, il-programm se jippromwovi l-użu tal-ikel Malti, għall-ingredjenti kollha li ser jintużaw f’kull episodju.

“Kienet sfida kbira għax x’ħin tisma’ BBQ tgħid, BBQ x’se ssajjar, imma l-livell tal-programm huwa xi ħaġa ta’ barra minn hawn, jiġifieri l-platti li ppreparaw huma xi ħaġa li ta’ min jarah u kemm jista’ jkun użajna l-prodott Malti, jekk qed nitkellmu laħam, ta’ Malta, ħut, ta’ Malta, kollox minn hawnhekk, allura vera qed inħossna orgoljużi li qegħdin nagħmlu dan il-programm”.

Il-programm se jkun qiegħed jgħin lill-persuni fil-bżonn hekk kif fl-aħħar tas-sensiela l-kċejjen li għandhom valur li jlaħħaq €52,000 se jiġu irkantati, bil-fondi kollha ser jinqasmu bejn żewġ entitajiet tal-karità f’Malta jew barra minn Malta.

The Malta BBQ League se jkun qiegħed jixxandar fuq Television Malta kull nhar ta’ Tlieta fid-9.00 p.m. tul l-iskeda tas-sajf li bdiet minn din il-ġimgħa.