Kultura
Dimostrazzjoni minn dawk involuti fid-divertiment u l-arti

Il-Malta Entertainment and Arts Association (MEIA) se torganizza dimostrazzjoni nhar l-Ħamis 24 ta’ Ġunju bħala protesta għax qalet li għadha ma ġietx infurmata meta se jitħallew jibdew jorganizzaw attivitajiet tal-massa.

Id-dimostrazzjoni, li ngħatat l-isem “Daqshekk Siekta”, se ssir f’Misraħ San Ġorġ fil-Belt fis-7.00 p.m.

L-assoċjazzjoni sostniet li ħafna mill-proposti li għaddiet lill-awtoritajiet ġew injorati.

Hija rrikonoxxiet li s-saħħa pubblika tibqa’ prijorità madankollu insistiet li meta tqis l-ammont ta’ dożi tal-vaċċin li ngħataw f’Malta u l-fatt li lħaqna l-‘herd immunity’ m’hemm ebda raġuni loġika għala ma jibdewx isiru ċertu attivitajiet.

L-assoċjazzjoni saħqet li trid li jkollha pjan dwar il-ftuħ sal-aħħar tas-sena tal-attivitajiet ħalli dawk involuti fid-divertiment u l-arti jkunu jistgħu jibdew jippjanaw minn qabel.

Fl-istess waqt l-MEIA qalet li hija lesti li tiltaqa’ mal-awtoritajiet għal aktar diskussjonijiet.

Ftit tal-jiem ilu l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li attivitajiet soċjali u kulturali se jerġgħu jibdew mill-5 ta’ Lulju għal massimu ta’ 100 persuna li jkun ħadu l-vaċċin.

L-ammont ta’ nies permess se jitla’ għal 150 fid-19 ta’ Lulju u 200 fit-2 ta’ Awwissu.

Tfal taħt il-ħames snin se jitħallew jattendu waqt li dawk bejn il-ħames snin u t-12-il sena jridu jippreżentaw test li juri li ġew ittestjati negattivi għall-virus.