Lokali
“Din hi l-ewwel mediċina li kapaċi ttaffi d-dimensja b’mod sinifikanti” – il-Prof. Charles Scerri

Matul l-aħħar snin saru bosta studji biex jipprovaw isibu tarf għad-dimensja. Madankollu, it-trattamenti għad-dimensja dejjem weħlu mill-aħħar testijiet kliniċi. L-aħħar trattament għall-marda tal-Alzheimer’s ħareġ fl-2003.

Madwar 20 sena wara, fl-aħħar sigħat, il-Food and Drug Administration tal-Istati Uniti, l-FDA, tat il-barka tagħha għall-ewwel kura f’20 sena għall-marda tal-Alzheimer’s li tolqot madwar 30 miljun ruħ mal-erbat irjieħ tad-dinja.

F’dan l-isfond, f’kummenti ma’ tvm.com.mt, il-professur tal-istudji tad-dimensja fl-Università ta’ Malta, Charles Scerri, qal li jinsab kuntent ħafna u li din l-aħbar tagħti tama anki lit-tobba Maltin biex ikomplu jxammru l-kmiem għall-Maltin u l-Għawdxin li qed jissieltu mal-marda tad-dimensja. Spjega, li din hija l-ewwel mediċina li kapaċi ttaffi d-dimensja b’mod sinifikanti. Qal, li d-dimensja hija waħda mill-aktar mard ikkumplikati li jħabbtu wiċċhom magħhom it-tobba. Il-Professur Scerri żied li s’issa erba’ mediċini biss huma approvati għad-dimensja u l-ebda waħda minnhom mhi kapaċi ttaffi l-marda b’mod sostanzjali.

Huwa ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-molekola Aducanumab, immanifatturata mill-kumpanija Biogen, taħdem biss fuq dawk li jinsabu fil-bidu tal-marda. Dan ifisser, li ma tistax tintuża ma’ pazjenti li diġà ntlaqtu b’din il-marda, b’mod partikolari dawk fi stat sever.

Il-Professur Scerri żied jgħid li s’issa għadu mhux ċar kemm sa jiswa dan it-trattament, għal kemm żmien irid jittieħed u jekk hawnx nies biżżejjed biex jagħtu din il-kura, fost l-oħrajn.

F’Malta hawn madwar 7,000 persuna li għandhom id-dimensja. Hu stmat, li sal-2050 dawn se jitilgħu għal 13,000 ruħ.