Budget2021
Din is-sena l-Gvern nefaq €105 miljun fuq il-COVID-19

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li għas-sena d-dieħla se jkunu allokati €824 miljun li ser jintużaw fost l-oħrajn għal sptarijiet ġodda u żieda fil-formolarju tal-mediċini li jingħataw b’xejn. Il-Ministru tas-Saħħa qal li fir-rigward tal-mediċini għall-HIV u l-AIDS il-Gvern ser ikun qiegħed jibdel ir-riċetta tal-mediċini li jingħataw biex il-pazjenti b’din il-marda jingħataw kura aħjar.

“Dan ifisser li nistgħu nagħtu ġodda bħalma huma tal-ostjoperosi, mediċini ġodda tal-kancer, mediċini għal min ibati bin-nifs, mediċini tal-HIV, inkunu nistgħu nagħtu servizzi ġodda bħalma huma l-monitors taz-zokkor għat-tfal li jbatu mid-dijabete, nkomplu nżidu l-infrastruttura bħal ma huwa l-outpatients block f’Mater Dei, il-bereġ li ħa nkomplu niftħu u nirenovaw ġo numru ta’ lokalitajiet Maltin, bħal ma huma numru ta’ servizzi oħra biex ntejby l-ħajja tal-Maltinu l-Għawdxin.”

Fost il-miżuri tal-budget għas-saħħa hemm sptar tal-psikjatrija ġdid li ser ikollu 120 sodda, kif ukoll taqsima ġdida fl-Isptar Mater Dei għal-mard li għandu rata għolja ta’ infezzjoni.

Dwar il-pjanijiet ta’ kontinġenza għall-pandemiji oħra fil-futur, il-Ministru Fearne qal li l-Gvern qiegħed jaħdem fuq riserva għall-pandemija, biex waqt il-Covid ma jitwaqqfux is-servizzi tas-saħħa li jingħataw mill-Gvern u jibdew jingħataw anki mis-settur privat.

Il-Ministru Fearne qal li din is-sena l-Gvern nefaq €105 miljun fuq il-COVID-19 u s-sena d-dieħla l-Gvern jaf ikollu jagħmel budget addizjonali għas-saħħa minħabba l-pandemija.