Lokali
Din is-sena rċevew aktar minn 750 ilment mill-konsumaturi

Sal-aħħar ta’ Novembru, saru aktar minn 750 ilment mal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Il-maġġoranza tagħhom kienu fuq prodotti elettroniċi u appliances li jkollhom difett jew ma jibqgħux jaħdmu tajjeb. Bħalissa fi żmien il-Milied, ix-xiri jkun fl-aqwa tiegħu mhux biss għal prodotti imma anki xiri ta’ vouchers li dwarhom l-Awtorità wkoll ikollha diversi ilmenti.

B’medja ta’ aktar minn żewġ ilmenti kuljum mill-konsumaturi li jħossu li ma jkunux inqdew sew bix-xiri tagħhom, l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur spjegat li l-konsumatur ma jkunx jista’ jieħu dak li ħaqqu jekk fil-mument li jixtri l-prodott jew servizz ma jkollux iswed fuq l-abjad dak mifthiem dwar il-prodott li jkun xtara.

F’intervista ma’ TVM, id-Direttur għall-Informazzjoni fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur Odette Vella qalet li meta l-konsumatur ikun ngħata nformazzjoni qarrieqa u l-prodott ikun difettuż għandu dritt ifittex għar-rimedju.

“Nippruvaw nilħqu ftehim amikevoli bejn iż-żewġ naħat. Fil-maġġoranza tal-każijiet hekk isir wara li tispjega lill-bejjiegħ x’inhuma l-obbligi tiegħu u li dak li qed jitlob il-konsumatur huwa dak li tagħtih il-liġi” qalet is-Sinjura Vella.

Is-Sinjura Vella spjegat li jekk ma jintlaħaqx ftehim, il-konsumatur jista’ jfittex rimedji oħra legali.

“Il-konsumatur bi proċess informali ħafna, se jieħu l-każ tiegħu quddiem dan it-tribunal u jkun hemm arbitru li jiddeċiedi jekk għandux raġun jew le u jingħata kumpens jew rimedju skont il-liġi” kompliet tgħid is-Sinjura Vella.

Żiedet tgħid li fl-ewwel ħdax-il xahar ta’ din is-sena, l-Awtorità rċievet ‘l fuq minn 700 ilment. Hija fakkret li kull prodott irid ikollu garanzija ta’ mhux inqas mis-sentejn.

Dwar il-vouchers, hija appellat lil konsumaturi biex jaraw sew il-kundizzjonijiet tagħhom u jimxu ukoll mad-data tal-iskadenza.

“Il-bejjiegħ, ladarba ħareġ il-voucher, ladarba biegħ il-voucher, ma jistax jibdel dawn il-kundizzjonijiet, anki hu marbut li jonora l-kundizzjonijiet li hu stess ikun niżżel fuq dawn il-vouchers” qalet Odette Vella.

Spjegat li l-konsumaturi għandhom jassiguraw li jixtru prodott jew voucher għandhom jistaqsu jekk il-prodott jistax jinbidel. Is-Sinjura Vella qalet li l-klijent għandu jara li l-irċevuta jkollha l-kundizzjonijiet tar-ritorn u li l-konsumatur għandu jżomm l-irċevuta fiskali għal ftit taż-żmien bħala l-prova li xtara l-prodott.

Spjegat ukoll li dwar x-xiri bl-internet jew bit-teleshopping, japplikaw drittijiet oħra favur il-konsumatur.

”Jekk forsi qed nixtri xi rigali online u qed nixtru minn pajjiż membru tal-UE, dak il-prodott li qed nixtru, għandna d-dritt li jerġa’ jibdilna mix-xiri li għamilna sa 14-il jum mid-data ta’ meta nirċevuh għandna d-dar” qalet is-Sinjura Vella.

Hija qalet li jekk l-prodott jintbagħat lura fi żmien ġimagħtejn, il-konsumatur irid iħallas l-ispejjeż tal-pustaġġ iżda jkollu dritt jieħu flusu kollha lura.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

L-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin daħlu fis-seħħ pjan ta’ azzjoni fid-dawl tal-virus COVID19, hekk kif dan kompla jinfirex barra ċ-Ċina u laħaq pajjiżi Ewropej partikolarment l-Italja. Fi stqarrija tal-Ministeru tas-Saħħa intqal li…

Politika

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela tkellem fuq l-ewwel summit tiegħu fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fejn beda jigi diskuss il-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li gejjin. F’kollegament fuq One Radio,…

Qorti

Mahdi Mohammed, Libjan ta’ 37 sena qal li ma jistax imur lura lejn il-Libja għax joqtluh. Dan minħabba li kien suldat ta’ Gaddafi. Hu qal dan fil-Qorti, fejn tressaq akkużat…

Qorti

Saif Faisal Ibrahim Sahir, Somalu ta’ 24 sena kien akkużat b’pussess tad-droga għall-użu personali. Hu ammetta l-akkużi kontrih u kien immultat €50. Il-Maġistrat Joe Mifsud irrakkomanda li ż-żgħażugħ jinstablu post…

Aktar