Infrastruttura
“Din is-sena se nagħmlu iktar toroq residenzjali mis-sena l-oħra”

Infrastructure Malta qed timmira li din is-sena taqbeż l-ammont ta’ toroq ġodda li nbnew is-sena l-oħra, li kienu jgħoddu 155.

F’intervista ma’ TVM, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, qal li s-sena l-oħra saru medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa f’żoni residenzjali, u sostna li l-iktar toroq imkissrin qed jingħataw prijorità biex isiru mill-iktar fis possibbli.

Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma biex issaħħaħ l-infrastruttura tat-toroq fiż-żoni residenzjali bħala parti mill-pjan ta’ 7 snin b’investiment ta’ €700 miljun intiż li jtejjeb is-sigurtà u d-dehra, kif ukoll biex it-toroq ma jibqgħux ikunu ta’ dannu għall-vetturi.

L-Inġinier Frederick Azzopardi qal li jifhem li r-residenti ta’ diversi lokalitajiet iħossu l-bżonn li ssir triq li tkun ilha ma ssir snin twal, u spjega kif mhux dejjem hu possibbli li ċerti toroq isiru mill-iktar fis minħabba problemi loġistiċi.

“Wieħed irid jifhem li mhux faċli li wieħed jagħmel it-toroq wara xulxin, hemm toroq fejn skejjel; xogħol li jsir fis-Sajf, toroq fejn il-baħar; li ma jistax isir fis-Sajf, jew toroq bħala diversion routes, vera jkunu mkissrin imma mhux possibbli minħabba xogħlijiet oħra.”

L-inġinier Azzopardi qal li mindu twaqqfet l-aġenzija fl-2019 saru b’kollox 285 triq residenzjali, li 155 minnhom saru s-sena l-oħra. Qal li bħalissa qed isir xogħol fi 50 triq residenzjali, imma l-mira hi li l-ammont ta’ toroq jaqbeż dak tas-sena li għaddiet. “Il-ħsieb li naqbżu milli għamilna s-sena l-oħra, qbadna ritmu tajjeb li sal-aħħar tas-sena naqbżu tas-sena li għaddiet.”

Mistoqsi dwar toroq imkissrin f’diversi lokalitajiet, l-Inġinier Azzopardi qal li l-kunsilli lokali xorta għadhom fir-responsabbiltà li jirranġaw dawn it-toroq biex ma jkunux ta’ dannu, sakemm Infrastracture Malta tagħtihom wiċċ ġdid jew tibnihom mill-ġdid.