Edukazzjoni
“Din is-sena skolastika hija moħlija għal uħud mit-tfal għax ma rnexxilhomx jadattaw għat-tagħlim virtwali”

Il-Professur Carmel Borg qal li din is-sena skolastika hija moħlija għal uħud mit-tfal li minħabba raġunijiet varji ma rnexxilhomx jadattaw għar-realtà tat-tagħlim virtwali. F’Dissett, hu ssuġerixxa li qabel tibda s-sena skolastika li ġejja ssir evalwazzjoni tal-ħiliet ta’ kull student u dawk li waqgħu lura jingħataw attenzjoni individwali bi programmi strutturati.

Il-Covid-19 ħarbtet il-vjaġġ edukattiv ta’ ftit aktar minn 80,000 student f’Malta (80,201), b’aktar minn terz minnhom fis-sekondarja (30,000).

Il-psikoterapista David Grillo jistma li madwar 20% tal-istudenti fl-iskola tas-Seminarju fejn jaħdem ġew affettwati ħażin ħafna mit-tħarbit fl-edukazzjoni.

“Min kien lura jista’ jkun li qed jaqa’ lura iżjed, vera hemm opportunitajiet u tipprova żżomm pożittiv imma r-realtà hija wkoll illi li din mhix in-normalità”

Għalliema tal-guidance u l-PSD fl-iskola St Monica ta’ Birkirkara, Rebekah Desira qalet li hemm differenza kbira bejn it-tagħlim fil-klassi u dak online. Hija osservat xejriet ta’ tħassib fost l-istudenti tagħha u ddeċidiet li tirrevedi s-sillabu biex tindirizza l-għawġ mentali li possibilment qed jesperjenzaw.

“Jien u nippjana x’se nagħmel għat-tielet term ta’ din is-sena skolastika ħassejt il-bżonn li niffoka iktar fuq il-pożittività u mindfulness u warrabt ftit it-topics li kelli nagħmel issa biex jekk Alla jrid nagħmluhom is-sena d-dieħla”.

Il-President tal-MUT, Marco Bonnici qal li ħafna għalliema fosthom uħud li kienu xettiċi għall-użu tat-teknoloġija rnexxilhom jadattaw għat-tagħlim elettroniku, iżda wissa li mhux kollox ward u żahar. “Il-problema hija li l-iskola kienet ittik struttura, rutina u sa ċertu punt kontroll fuq dak li qiegħed tagħmel bħala għalliem issa dawn intilfu kollha u jista’ wkoll ikollok l-element ta’ teknoloġija u sapport fejn inti jista’ jkollok studenti li m’għandhomx aċċess għat-teknoloġija l-ħin kollu”.

Intervistat f’Dissett, il-Professur Carmel Borg qal li hemm sitwazzjonijiet ta’ qsim il-qalb, ta’ tfal li minħabba kuntest soċjali diffiċli u raġunijiet oħrajn komplew jaqgħu lura, xi ħaġa li qal tista’ tibda tiġi indirizzata mhux billi kulħadd jirrepeti din is-sena skolastika iżda billi ssir evalwazzjoni ta’ kull student qabel jirritornaw l-iskola. “Hemm soluzzjonijiet oħrajn fosthom li nużaw is-sajf jekk hemm bżonn, imma li nirrepeti lil kulħadd għal sena sħiħa ma naħsibx li għandha tkun id-direzzjoni, pero għandna jkollna sitwazzjoni fejn nafu bl-eżatt it-tfal fejn qegħdin wara din l-esperjenza pjuttost iebsa għal kulħadd”.

Sa issa għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni formali fuq jekk l-iskejjel hux se jerġgħu jiftħu f’Settembru li ġej għal sena skolastika ġdida, bil-President tal-MUT jgħid li d-diskussjonijiet għadhom kif bdew u hemm tliet għażliet, li l-iskejjel jerġgħu jiftħu b’mod normali; li jibqgħu magħluqin jew li jiftħu b’ħafna restrizzjonijiet fosthom ħin iqsar u iktar tagħlim online.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li hu għadu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista. “Kien hemm aħbarijiet fuq il-midja li diġà Kap tal-Oppożizzjoni ġdid u ssemmiet l-Onorevoli Therese…

Politika

Fl-aħħar sigħat il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ ma’ diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista fil-Palazz ta’ Sant’ Anton. Fost id-deputati li diġà kellhom laqgħa mal-President Vella kien hemm Beppe Fenech Adami,…

Politika

Il-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia mid-deputati Nazzjonalisti ħoloq xenarji ġodda b’opinjonisti jgħidu li din is-sitwazzjoni kompletament ġdida fl-istorja politika ta’ Malta. Fil-programm Ras imb’ Ras fuq TVM, l-opinjonist Dr Mario…

COVID-19

Il-COVID-19 u x-xogħol ġew diskussi minn mexxejja minn madwar id-dinja f’summit virtwali organizzat mill-Għaqda Dinjija tax-Xogħol, l-ILO. Fil-fehma tal-kap tal-organizazzjoni, il-pandemija tefgħet id-dinja tax-xogħol fi kriżi bla preċedent. F’messaġġ waqt…

Aktar