Lokali
AĠĠORNAT: Dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta

Fost il-punti ewlenin imqajma minn madwar 40 MEP, fosthom is-sitt Ewroparlamentari Maltin, kien hemm il-kundanna tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, talbu għal investigazzjoni internazzjonali dwar il-qtil tagħha, qanqlu dubji dwar is-sistema tat-tassazzjoni, il-kriminalità u l-effettività tal-istituzzjonijiet Maltin fir-rigward tas-saltna tad-dritt, kif ukoll kien hemm min argumenta jekk hix kwistjoni ta’ double-standards mill-PE fil-konfront ta’ Malta.

Deputati Ewroparlamentari tal-ikbar żewġ gruppi politiċi, il-Partit Popolari u l-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi kellhom pożizzjoni diverġenti, bl-MEPs tal-EPP jgħidu li Malta hija pajjiż mifni bil-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa u kriminalità, filwaqt li l-MEPs tal-S&D jirribattu li l-kummenti tal-EPP huma esaġerati meta hemm pajjiżi oħrajn li għandhom problemi fis-saltna tad-dritt, fosthom l-Ungerija u l-Polonja.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PL Alfred Sant qal li fil-PE hemm min għandu l-intenzjoni li ma jagħtix stampa fattwali tal-fatti dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.  “Malta qed tiġi attakkata għal nuqqasijiet perċepiti fis-salta tad-dritt abbażi fatti mgerfxa u nofs fatti, allegazzjonijiet mhux pruvati meħudin ‘at face value’, għajdut u kwistjonijiet irrelevanti għas-saltna tad-dritt,” qal Sant.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN David Casa qal li minkejja t-talbiet li saru biex il-Kummissjoni Ewropea taġixxi fil-konfront tas-saltna tad-dritt ta’ Malta qatt ma sar xejn. “Dan tafu u xort tagħżel li tappoġġja l-valuri Ewropej biss meta dawk akkużati jkunu avversarji politiċi. Tiddefendix l-indifensibbli. Ieqaf man-nies,” qal Casa.

Matti Maasikas, f’isem il-Presidenza Estonjana tal-Kunsill Ewropew qal l-awtoritajiet Maltin qed jagħmlu investigazzjoni bl-għajnuna ta’ esperti internazzjonali dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. “Nemmen li l-istituzzjonijiet Maltin se jkunu qed jirrispondu għall-isfidi li għandhom quddiemhom biex issir ġustizzja.”

Min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans qal li l-Kummissjoni se tara li l-awtoritajiet Maltin juru li l-istituzzjonijiet tagħhom huma robusti u b’saħħithom. “Il-Kummissjoni mhix imħassba dwar is-sistema tat-tassazzjoni Maltija, iżda se tara li timplimenta d-direttivi u r-regoli meħtieġa għat-trasparenza biex tiġġieled il-ħasil ta’ flus,” qal Timmermans.

Ħames gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew qed jipproponu riżoluzzjoni li fiha qed jagħmlu diversi talbiet fil-konfront tas-saltna tad-dritt f’Malta. Fir-riżoluzzjoni ta’ 15-il punt huma talbu lil Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga l-allegazzjoni dwar hasil ta’ flus u l-awtortiajiet biex jinvestigaw l-ghoti tal-licenzja lil Pilatus Bank. Il-mozzjoni issejjah lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel monitoraġġ fuq l-andament tas-saltna tad-dritt f’Malta.

Il-Membri Parlamentari Ewropej mistennija jieħdu vot dwar din ir-riżoluzzjoni għada.

Sadanittant, f’konferenza tal-aħbarijiet, l-MEPs Laburisti qalu li r-riżoluzzjoni ghandha diversi nofs veritajiet jew ineżattezzi u għalhekk ħassew li kellhom jiċċarawhom billi fissru x’qed isir f’Malta dwar il-konformità tas-sistema tat-taxxa mar-regoli Ewropej u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil ta’ flus, l-aġġornar tal-liġi tal-istampa, fosthom bit-tneħħija tal-libell kriminali, u t-tisħiħ tal-governanza.

Ara l-kummenti tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani dwar id-dibattitu li sar b’rabta mas-saltna tad-dritt f’Malta

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-istorja ta’ Cinderella se tkun il-qofol tal-opra mill-pinna tal-kompozitur Malti tas-seklu dsatax Nicolo Isouard, li se tittella’ fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla fit-Teatru Manoel. Din se tkun it-tielet opra fil-programm ta’…

Lokali

Għall-ħabta ta’ nofsinhar, l-Imsaġar tal-Aħrax inbelgħu min-nirien, fl-istess post fejn kien qabad daqs xahar ilu. Fin-nirien tal-lum, jidher li ġew meqruda ammont konsiderevoli ta’ siġar tal-Prinjol li għandhom ‘il fuq…

Lokali

Malta kisbet punti tajbin fl-iscoreboard dwar l-innovazzjoni fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li ġie pubblikat illum fi Brussell. F’rapport ta’ aktar minn mitt paġna li janalizza diversi aspetti tal-innovazzjoni fil-pajjiżi tal-Unjoni…

Lokali

Ġie inawgurat ir-restawr tal-Bieb ta’ Hompesch. Ir-restawr sar mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura u Gvern Lokali. Il-Bieb ta’ Hompesch inbena fl-1801 fuq ix-xewqa taż-Żabbarin ad unur il-Gran Mastru Hompesch,…

Aktar