Lokali
Il-PM jiddefendi lil Malta minn kritika ta’ ewro-parlamentari f’dibattitu dwar Malta

F’dibattitu ta’ madwar siegħa u nofs, fil-preżenza ta’ madwar 50 MEP, il-Prim Ministru Joseph Muscat ta spjegazzjoni ta’ kif titħaddem is-sistema tat-tassazzjoni Maltija, u rribatta l-kritika li saret dwar il-Panama Papers u s-saltna tad-dritt.

Il-Prim Ministru rrimarka li fil-Panama Papers ma jissemmiex biss Ministru Malti imma hemm ukoll uffiċjali li jifformaw parti mill-istituzzjonijiet Ewropej. Qal li xahar ilu ddikjara li se jidher quddiem PANA committee meta l-maġistrat joħroġ bil-konklużjoni tal-inkjesta li qed issir fuq dik li sejjaħ gidba fil-konfront tiegħu u ta’ martu biex jippreżenta l-fatti li juru kemm kien hemm min kien żgwidat dwar is-sitwazzjoni ta’ Malta.

Dr Muscat sostna li wħud mill-konklużjonijiet li waslu għalihom il-kelliema ġew miċħuda mill-istituzzjonijiet inkluż l-FIAU u rrefera għas-sistema Maltija tat-tassazzjoni li qal ilha fis-seħħ għexieren ta’ snin skont ir-regoli Ewropej u l-OECD. Qal li l-Gvern u l-Presidenza impenjaw ruħhom biex isir progress fir-rigward tat-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

Dr Muscat qal li fl-aħħar erba’ snin sar titjib fis-saltna tad-dritt tant li daħlu fis-seħħ liġijiet ġodda biex jindirizzaw il-korruzzjoni, kif ukoll tibdil fil-ħatra tal-ġudikanti minn kumitat indipendenti mill-Gvern, u wiegħed li fil-leġiżlatura li jmiss se titneħħa l-immunità tal-Membri Parlamentari u se jiġu introdotti kodiċi ġodda tal-etika għall-uffiċjali pubbliċi.

Tul id-dibattitu kien hemm mat-30 intervent mill-MEP’s ta’ diversi gruppi politiċi li elenkaw diversi aspetti dwar il-prattiċi marbuta mas-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta li qed iqanqlu suspett li l-pajjiż huwa tax haven, filwaqt li kien hemm oħrajn li qalu li l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront ta’ Malta m’għandhomx dimensjoni kbira daqs kwistjonijiet oħra aktar gravi li ġraw f’pajjiżi oħra Ewropej u saħansitra l-istituzzjonijiet Ewropej.

Iċ-Chairman tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber qal li Dr Muscat għadu biċ-ċans li jindirizza l-korruzzjoni u staqsa x’riżultati rrendew il-liġijiet li daħlu fis-seħħ f’Malta f’dan ir-rigward, filwaqt li Sven Giegold mill-Grupp tal-Ħodor qal li talab lill-Kummissjoni tinvestiga lil Malta dwar il-prattiċi użati għal-liċenzjar tal-banek u s-sistemi li jikkumbattu l-ħasil ta’ flus f’ Malta.

Il-Viċi Chairman tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Ewropej Jeppe Kofod qal li s-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew mhux il-post adegwat biex tinvestiga x’qed jiġri f’Malta qabel ma tintemm l-investigazzjoni tal-PANA committee. Staqsa kif il-Gvern Malti se jkun qed jinidirizza l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil ta’ flus.

Saru interventi wkoll mill-MEPs Maltin.

L-MEP tal-PN David Casa qal, “Kellna deputati minn kull partit politiku illi tkellmu dwar il-ħsara li qed issir f’pajjiżna u biex tgħaxxaqha il-Prim Ministru reġa ħatar Ministru u Chief of Staff tiegħu li huma involuti fl-istess każ tal-Panama.”

L-MEP PL Alfred Sant qal, “Ikkonfermajt l-impressjoni tiegħi li kien dibattitu li ma jmissux sar. Dibattitu fuq suġġett li ma’ jeżistix li Malta b’si mod jew ieħor qed tikser ir-rule of law. Effettivament kien dibattitu mibni fuq premessi foloz u allegazzjonijiet mhux konfermati.”

Dr Muscat wera ruħu sorpriż li f’dibattitu li suppost qal huwa serju wħud mill-MEP’s ma ċċekkjawx il-fatti qabel ma għamlu l-interventi tagħhom. Il-PM esprima dan f’kummenti li ta wara d-dibattitu.

“Jien rajthom li kien hemm argumenti ideoloġiċi u prammatiċi dwar il-livell tat-taxxa  li aħna mhux se naċċettaw bħalma ma jaċċettawx pajjiżi oħra li jkun hemm min jindaħlilna dwar dan kollu. Kien hemm punti tajbin ħafna dwar it-trasparenza u hemmhekk urejna kif bħala Presidenza imxejna ‘l quddiem fuq din il-kwistjoni; imbagħad miżinformazzjoni sħiħa, fejn min-naħa tiegħi ppruvajt nagħti n-naħa l-oħra tal-munita u kif naraw l-affarjiet min-naħa tagħna. Kont sorpriż b’ċertu miżinformazzjoni li kienu mitmugħa.”

Fil-ftuħ tad-dibattitu l-Ministru Helena Dalli f’isem il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE qalet li l-ġlieda tax evasion, money laundering u frodi kienu prijorità tul il-Presidenza Maltija, fosthom anti tax avoidance directive u double taxation dispute mechanisms li huma intiżi biex itejbu t-trasparenza u l-iskambjar ta’ informazzjoni tjiebu b’mod partikolari fl-aħħar 12-il xahar għall-awtoritajiet biex jiksbu tagħrif dwar il-kumpaniji.

Il-Kummissarju Ewropew Pierre Moscovici qal li l-Panama Papers kellhom impatt fuq l-opinjoni pubblika tant li l-Kummissjoni Ewropea wegħdet li tiġġieled evażjoni tat taxxa u bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew sar progress. Qal li sar tibdil fil-mod kif beda jsir skambjar ta’ informazzjoni b’direttivi li jobbligaw li jittieħdu miżuri mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward fosthom grazzi għall-impenn tal-Presidenza Maltija u l-Ministru tal-Finanzi Malti. Sostna kif il-Kummissjoni se tindirizza l-abbuż li sab il-PANA committee hekk kif jirriżulta frodi ta’ miljuni ta’ ewro f’VAT fi tranżazzjonijiet kummerċjali li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed tal-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

‘Touch’ hija diska ġdida mill-kantant Sebastian, u għandha filmat mużikali mżewwaq bil-lirika li tkompli mad-diska. Sebastian ħadem ma’ Matteo Depares u Aidan Cassar minn Wicked & Loud għall-kliem u l-mużika…

Kronaka

Ġuvnott ta’ 15-il sena sofra ġrieħi gravi wara li dal-lejl ittajjar f’San Ġiljan. Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq Sant Andrija għall-ħabta tas-1.00am. Il-ġuvnott, li huwa barrani u jgħix San…

Kisbiet

Kuntistabbli tal-Pulizija kklassifika fit-tieni post fl-Olimpijadi tal-Pulizija li saru fiċ-Ċina. Din kienet l-ewwel darba li l-korp tal-pulizija ħa sehem f’dawn l-Olimpijadi. Il-Kuntistabbli, Andrew Grech li hu wkoll atleta rinomat f’pajjiżna,…

Aktar