Politika
ARA: “Jgħarralu min jaħseb li jista’ jgawdi mill-impunità” – Il-PM

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-aħħar żviluppi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia urew li f’pajjiżna tirrenja s-saltna tad-dritt u jgħarralu min jaħseb li jista’ jgawdi mill-impunità.

Sigħat wara li tressqu l-Qorti żewġ persuni oħra b’rabta mad-delitt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, f’konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li Gvern imexxi minnu se jibqa’ jaħdem biex il-pajjiż jagħlaq din il-ferita darba għal dejjem.

Dr Abela qal li l-ġustizzja ma tħarisx lejn uċuh u sostna li se jiżgura li l-ġustizzja ssir mingħajr biża’ jew favuri għax qal li Malta hu pajjiż fejn tirrenja s-saltna tad-dritt.

Dwar id-delitt tas-Sinjura Caruana Galizia, il-Prim Ministru qal li llum hemm akkużati l-allegat mandant tad-delitt, żewġ persuni li huma l-allegati eżekuturi tad-delitt, u issa żewġ persuni oħra li allegatament kienu kompliċi biex seta’ jseħħ dan id-delitt.

Sostna li dan jikkonferma kemm l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna stinkaw sabiex ifittxu l-verità u huma b’saħħithom fil-ġlieda kontra l-kriminalità bil-għan li ssir ġustizzja mal-vittma. Qal li għalkemm ma jindaħalx fix-xogħol tal-Pulizija huwa jinsab kuntent li r-riformi li saru fl-aħħar xhur diġa qed jagħtu l-frott.

Mistoqsi minn TVM dwar delitti mhux solvuti, il-Prim Ministru Abela wieġeb li l-Pulizija għandhom jinvestigaw dawn id-delitti wkoll u wiegħed aktar riżorsi sabiex issir ġustizzja ma’ min għadha ma saritx sal-lum il-ġurnata.