Press Briefings
AĠĠORNAT: L-Eġizzjan inqatel b’tir f’nofs sidru u ieħor fix-xellug t’għonqu

Il-Pulizija spjegaw li r-raġel mis-Serbja – Aleksandar Stojanovic – ġie arrestat għall-ewwel darba fl-10 ta’ dan ix-xahar b’mandat ta’ arrest maħruġ mill-Qorti bħala parti mill-istħarriġ dwar l-omiċidju ta’ Eġizzjan. Il-każ kien seħħ fil-15 ta’ Jannar tal-2018, fi trejqa qalb l-għelieqi fil-limiti tal-Għarb. Fl-aħħar disat’ijiem hu ngħata l-police bail darbtejn, sakemm ġie arrestat biex tressaq il-Qorti t’Għawdex mixli bid-delitt.

Kruċjali f’idejn l-investigaturi filmati minn kameras tas-sigurtà fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat Għawdex, li kienu juru lill-Eġizzjan jirkeb fuq in-naħa tal-passiġġier, f’karozza BMW ta’ lewn skur. Dan il-filmat ittieħed xi tmien sigħat qabel l-Eġizzjan instab maqtul.

Il-Pulizija qalet li tmien xhur wara li sar id-delitt, din il-vettura nstabet f’Malta u minn hemm issuktaw bl-istħarriġ biex jiġi identifikat minn kien qed isuqha, li rriżulta li kien ir-raġel mis-Serbja.

Brandon Pisani, Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-Korp tal-Pulizija qal “fil-ġimgħat li għaddew il-Pulizija intensifikat l-investigazzjonijiet tagħha u permezz ta’ analiżi tagħha u ta’ informazzjoni minn CCTV cameras u anki informazzjoni ġdida li kisbet il-Pulizija tul dawn l-aħħar 3 snin, anki minn persuni oħra li ġew identifikati, il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-allegat aggressur li wkoll kien ix-xufier tal-istess vettura.”

L-Eġizzjan Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed ta’ 42 sena kien joqgħod Marsalforn. Hu nstab mixħut għal tulu mal-art b’wiċċu ‘l fuq u f’għadira demm. Dwar l-arma li ntużat fid-delitt, il-Pulizija qalet li din għadha ma nstabitx iżda l-iskrataċ ħdejn il-vittma jindikaw li l-arma kienet senter. Ħdejn il-vittma nstabu ħames skrataċ iżda l-pulizija qalet li l-vittma nqatel b’żewġ tiri sparati mill-qrib, wieħed f’għonqu n-naħa tax-xellug u l-ieħor f’nofs sidru.

Mistoqsi dwar il-mottiv tal-qtil, il-Pulizija wieġbet biss li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-vittma ma kienx wiċċ ġdid għall-Pulizija. Sentejn qabel inqatel, kien kundannat ħames xhur ħabs wara li hedded lis-sieħba tiegħu. Hi kienet xehdet fil-Qorti li ried jisfiguraha bl-aċtu jekk tħalli lit-tfal jattendu għal-lezzjoni tar-reliġjon fl-iskola. L-Eġizzjan kellu wkoll każ pendenti fil-Qorti ta’ Għawdex li fih kien mixli b’pussess u traffikar ta’ droga.