Lokali
Il-Koħħu jixhed dwar pjan biex joqtlu b’arma lil Daphne Caruana Galizia

Tissokta l-kumpilazzjoni fil-każ kontra l-aħwa George u Alfred Degorgio quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. F’Awla 22, illum se jsir il-kontro eżami ta’ Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu, li ammetta l-akkużi u ntbagħat 15-il sena ħabs.

L-avukat li qed jidher parte ċivile Jason Azzopardi staqsa lis-Sur Muscat jiddeskrivi min hu. Il-Koħħu qal li hu mill-Marsa, kien jaħdem mastrudaxxa, u għamel tliet xhur jaħdem il-Libja ma’ Alfred Degorgio. Qal li lill-aħwa ilu jafhom madwar 40 sena, li kienu wkoll mill-Marsa.

Is-Sur Muscat qal li għall-ħabta tal-2013 kien iżur lil wieħed mill-aħwa l-ħabs waqt li kien taħt arrest preventiv. Kompla li kienu jafdaw lil xulxin u qal li qatt ma kellhom jiddubitaw minn xulxin.

Kompla jgħid li ilhom ikunu taħt it-tinda tal-patata mill-2005, wara żmien li kienu joqogħdu fil-klabb tar-regatta tal-Marsa. Kien ikun ma’ Alfred u George u nies tad-dgħajjes. Qal li huma kienu joqogħdu fit-tarf oppost tal-klabb tar-regatta. Mistoqsi dwar kamra li nbniet fit-tinda, is-Sur Muscat qal li ċ-ċwievet ta’ din il-kamra kienu għand George Degorgio u xi żmien għandhom. Fil-kamra kien hemm salot, shower, tv fridge u kienu jqattgħu l-ħin hemm. Dr Azzopardi staqsa kemm-il darba kien imur, bis-Sur Muscat iwieġeb li kuljum filgħodu.

Il-Koħħu dwar Robert u Adrian Agius

Dwar l-aħwa Agius tal-Maskar, qal li l-ewwel kien jaf lil Robert u lil Adrian sar jafu iktar tard meta marru flimkien fit-tinda tal-patata. Qal li ilu jafhom seba’ snin. Kompla jgħid li meta kien imur Robert kien ikun hemm persuna oħra.

Il-Koħħu qal li l-aħwa Agius, George u hu ġieli ddiskutew il-qtil ta’ Carmel Chircop hemm. Mistoqsi jekk it-topo u Jamie Vella kinux hemm ukoll, Muscat qal li iva.

Kompla jgħid li Jamie u Robert bdew jinżlu fit-tinda lejn l-2016. Sadanittant, Alfred Degorgio kien il-ħabs.

Il-Koħħu qal li lil Chris Cardona sar jafu fl-2010, meta kien l-avukat tiegħu fil-każ tal-HSBC. Qal li wara li sar Ministru fl-2013, kellmu darbtejn il-Belt, f’ħanut li biex tidħol trid tagħfas il-buttuni. Qal li ħadu l-avukat David Gatt li kien fl-uffiċċju tiegħu. Qal li Dr Cardona qallu “x’kien se jagħmilli ħbieli 300 gramma coke fl-uffiċċju tiegħi.” Qal li dan kien għall-habta tal-2010. Is-Sur Muscat qal li kien jaf li Dr Gatt kellu 300 gramma coke. Kompla li meta kienu qed jixorbu s-Siġġiewi kien qallu li kien ħbihom fis-suffitt.

Dr Azzopardi staqsa dwar x’relazzjoni kellhom Cardona u Gatt, Muscat qal li kienu fl-uffiċċju legali ta’ Cardona f’Birkirkara. Qal li dawn kienu ħbieb intimi mal-aħwa Degorgio.

Muscat qal li qatt ma mar il-Ministeru jitlob xi pjaċir u li lil Dr Gatt sar jafu l-ewwel darba meta kien arrestat fuq tal-HSBC meta Dr Cardona qallu li se jassistih ukoll Dr Gatt.

Qal li xi ħadd mill-aħwa qal li qabel l-arrest tal-4 ta’ Diċembru, qal li għandhom iqabbdu lil avukat David Gatt. Meta kien arrestat qal li David Gatt kien l-avukat tiegħu “għax hekk konna ftehmna”.

Il-Koħħu jitkellem dwar Melvin Theuma

Muscat qal li lil Melvin Theuma ilu jafu xi 20 sena. Qal li ma kienx jafu daqs Alfred Degorgio, iżda kien ikellmu fuq logħob fuq żwiemel, meta Theuma kien jaħdem f’ħanut dwar logħob marbut mat-tiġrijiet taż-żwiemel. Il-Koħħu qal li qatt ma kellu għalfejn jaħseb ħażin f’Theuma.

Kompla li Melvin Theuma kellu relazzjoni tajba ma’ Alfred Degorgio, tant li meta Degorgio kien jaħdem mal-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar waqt li kien il-ħabs, ġieli qallu li jkun se jżuru Melvin Theuma u ġieli qabad €200 u tahomlu.
Il-Koħħu jgħid li bejn l-2014-l-2015 kienu għamlu għassa ma’ Daphne Caruana Galizia

Dwar fejn kienet toqgħod Daphne Caruana Galizia, qal li bejn 2014 u 2015 kienu għamlu għassa mas-Sinjura Caruana Galizia għax kien se jsir attentat ieħor dak iż-żmien. “Kien ġie David Gatt, it-tinda tal-patata u George Degorgio qallu ħa mmur niltaqa’ ma’ Chris Cardona minħabba Daphne. Wasslu Portomaso fejn ir-roundabout u lura kienet se tmur għalih tiegħu.”

Spjega li Jamie Vella kellu razzett iktar fl-għoli mid-dar tas-Sinjura Caruana Galizia. Qal li hemm żewġ villel kbar fejn ir-razzett ta’ Vella.  Kompla li kienu ftehmu biex jitolbuh €150,000 u depożitu ta’ €50,000 iżda l-flus qatt ma waslu u għalhekk ma komplewx. Il-Koħħu qal li ġieli marru fi bnadi oħra jagħmlu għassa.

Kompla jgħid li David Gatt qalilhon li kienet taħdem l-Independent fejn ġieli għamlu għassa u ppruvaw isibu l-karozza tagħha. Qal li George Degorgio baqa’ jissikka biex jingħataw il-flus.

Spjega li d-delitt kellu jsir f’benniena fit-triq kif tkun nieżla bil-karozza. Spjega li George u Jamie kellhom iwaqqfuha b’vann. Qal li diġà kellhom AK47. Qal li George żgur qatt ma kiseb l-arma. Żied li ġieli semagħha tispara.

Il-Koħħu qal li kienu xtraw mobile minn fejn il-Knisja tat-Trinità l-Marsa. Qal li George ġab in-numru ta’ Daphne Caruana Galizia mingħand David Gatt u kienu joqogħdu jibagħtulha l-messaġġi fuq il-ministri iżda qatt ma wieġbet. Qal li darba bagħtet li għalxejn qed jibgħat il-messaġġi għax hi ma tafx min hu. Qal li qatt ma affaċċjaha.

Il-Koħħu qal li bejn Jannar u April 2017, mar it-tinda u Alfred Degorgio, qal li avviċċinawh Darren Debono ‘it-topo’ u Melvin Theuma u qalu li kellhom biċċa xogħol.

Qal li meta ddiskutew bejniethom kienu se jitolbuh €150,000 u kienu se jitolbu €30,000 depożitu. Qal li Alfred Degorgio wasslu xi 4 jew 5 darbiet f’ħanut fejn il-Knisja tal-Imsida.

Spjega li kif ftehmu fuq prezz, bdew jagħmlu l-ghasaa, minn waranofsinhar sa tard filgħaxija, mhux biss il-Bidnija, biex ma jiġbdux l-attenzjoni fuqhom.

“Nagħtu ċans l-elezzjoni ssir u nkomplu wara”

Qal li meta tħabbret l-elezzjoni fl-1 ta Mejju, darba wassal lil Alfred Degorgio biex jiltaqa’ ma’ Melvin Theuma u wara żewġ laqgħat ikkonferma li kellu l-flus f’idejh. Qallhom “issa nagħtu ċans l-elezzjoni ssir u nkomplu wara”.

Spjega li l-calambrina (arma tan-nar), dehret iktar serja mill-oħrajn; “fil-fatt biha kien se jisparalha Alfred Degorgio” stqar il-Koħħu. Spjge li kellhom tlieta u li l-balla kienet ftit kbira u kellha telescope magħha. Qal li dawn kien ġabhom Jamie Vella u Robert Agius, f’garaxx tagħhom it-tnejn fin-Naxxar. Fil-garaxx kien hemm karozza antika u mitluqa u riedu jneħħuha biex idaħħlu l-karozza tagħhom flokha, li kienet se tintuża fil-qtil.

Muscat qal li l-Calambrina ġiet pruvata fl-għalqa ta’ Ħaż-Żebbuġ minn Alfred Degorgio. Il-Koħħu kompla jgħid li ma kinux qed jaraw movimenti fejn id-dar tal-ġurnalista Caruana Galizia, ħlief li tiġi s-seftura. Qal li ħadd ma qallhom li kienet is-seftura imma kienu jarawha tiġi regolari. Kompla li kienet tiġi filgħodu u tibqa’ sa waranofsinhar.

Il-Koħħu kompla jgħid li Melvin Theuma kien mar fuq il-post (il-Bidnija) meta diġà kellhom l-arma. Qal li kien mar ma’ Alfred Degorgio (li kien jitkellem ma’ Melvin Theuma). Vince Muscat qal li hu kien għassa post ieħor.

“George Degiorgio ried li nużaw bomba”

Kompla jgħid li ma setgħux jaqbdu tarf tas-Sinjira Caruana Galizia, il-bomba kienet għadha ma ġietx. Qal li speċjalment George Degorgio dejjem ried bomba “għax anke jekk tkun Għawdex, kemm tagħfas switch.”

Mistoqsi jekk l-aħwa Agius kinux jagħtu flus lill-aħwa Degorgio, qal li kienu jagħtu madwar €20,000 fix-xahar.

Dr Azzopardi staqsa “mingħajr ma nsemmu il-persuna u snin kont taf bi pjan biex tinqatel persuna f’kariga?” “Iva” qal Muscat, “kien jaħdem fil-pulizija”.

Dwar dan il-Koħħu qal li Jamie Vella u Robert Agius kellhom x’jaqsmu magħha.

Lura għall-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia, Muscat qal li ra lill-ġurnalista mar-raġel tagħha fil-Floriana lejn l-aħħar ta’ Settembru. Qal li ċempel Degorgio u qallu li l-familja Caruana Galizia kienu se jsiefru għax rahom l-ajruport bil-bagalji.

“Kellhom iġibu tliet bombi bil-katamaran”

Muscat qal li Jamie u Robert kellhom iġibu tliet bombi bil-katamaran. Il-bomba li qatlet lis-Sinjira Caruana Galizia ġiet f’idejhom bejn Awwissu u Settembru. Sabuha fit-tinda tal-patata fil-Marsa. Qal li kien hemm dgħajsa maqluba, wara li George Degorgio qallu li waranofsinhar bejn is-1pm u 2pm se jġibu bomba taħt id-dgħajsa. Qal li waranofsinhar marru għaliha u baqgħu sejrin biha fil-garaxx tan-Naxxar fejn kien hemm il-karozza l-misruqa tagħhom. Qal li George qallu li Robert Agius kien se jħallilu karozza l-Mosta biex jeħodha f’garaxx ieħor Ħal Qormi.

Il-Koħħu qal li Jamie Vella u Robert Agius kienu fehmu lil Alfred Degorgio x’fiha l-bomba li tpoġġiet fuq wara tal-karozza. Dwar il-bomba li saret lil Romeo Bone, il-Koħħu qal li minħabba li kienet imwaħla hdejn it-tyre tagħmel differenza milli kieku taħt is-seat. Qa li meta kienu qed jgħassu id-dar fil-Bidnija raw diversi tfajliet u ġuvintur deħlin fid-dar. Dan kien għall-bidu ta’ Ottubru.

Intant is-seduta tinsab sospiża għal 10 minuti fuq talba tal-Avukat Jason Azzopardi.

Tissokta s-seduta

Għall-ħabta tal-12pm issoktat is-seduta f’Awla 22. George u Alfred Degorgio fl-izbarra mgħassa minn uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kull naħa.
Mistoqsi kif ma beżgħux imorru għand ministru għall-għajnuna jew jitolbu għall-informazzjoni, qal li setgħu jafdawh lil Chris Cardona għax kellhom xi biċċa xogħol qabel.

Il-Koħħu qal li Melvin Theuma ma kienx jaf li ssellef karozza biex jipprattikaw fuqha, anzi qalulu li se ssir bomba meta propja kien hemm pjan li jisparawlha. Qal li darb, għall-ħabta ta’ Awwissu, Melvin Theuma ċempel lil Alfred Degorgio u qallu li raha għaddejja lejn il-Mosta. Ried jgħidlu, ilkom dal-ġranet kollha warajha u ma għamiltuhiex. George Degorgio qallu li għax kien hemm il-pulizija.

Il-Koħħu kompla jgħid li Melvin Theuma kien mar it-tinda tal-patata madwar ġimagħtejn wara li nqatlet is-Sinjura Caruana Galizia u qalu li kien għadu kmieni wisq biex imorru jieklu flimkien. Qal li Melvin kien jinżel ħafna taħt it-tinda għax kien għadu jrid jiġi ffirmat il-kuntratt.

“Dam ġimgħa biex ħallasna”

Qal li wara l-omiċidju dam ġimgħa biex ħallashom. Muscat u Alfred Degorgio ftehmu li l-koħħu jwassal lil Alfred Degorgio in-naħa t’isfel ta Malta. Qal li kif ġabru lura, kellu l-flus f’envelope. Marru fit-tinda tal-patata u qal li lilu tah €40,000.

Il-Koħħu kompla jgħid li George Degorgio kellu jmur jistad qabel l-4 ta Dicembru. Kif Muscat niżel fejn it-tinda tal-patata u ra d-dgħajsa fejn kil-klabb tar-regatta għajatlu Alfred, u qallu ma marx jistax. Żied li se jarrestaw lil George. Muscat staqsih “għamel xi haga?” Qallu ‘m’għamel xejn, imma jridu qishom iwaħħlu f’xi ħadd”. Alfred ried li Muscat jgħid din l-aħbar lil George.

Kompla jgħid li l-mobiles li ġabu għad-delitt, George uża l-mobile biex jagħmel top up u Alfred qallu fil-qorti li użah biex bagħat lil xi Russa.

Il-Koħħu kompla jgħid li peress li kienu jafu li ġejjin il-Pulizija neħħew il-kelba. Qal li kienu jafu bil-ġurnata meta se jiġu arrestati min ġimagħtejn qabel. Qal li kien ra lil Melvin ikellem lil Alfred Degiorgio u wara Degorgio kkonfermalu li kellhom informazzjoni tajba. Qal li kien hemm żewġ sorsi li qed jaqblu. Kienu jafu li l-arrest se jsir fit-tinda. Muscat qal li marru għax billi jibqgħu d-dar kien ha jinħoloq panik.

Dr Azzopadi staqsa “kont taf li ismek u d-data tat twelid instab fil-mobile ta’ Yorgen Fenech. L-istesss kif kien hemm tal-aħwa Degorgio, Agius u Jamie Vella.” Muscat wieġeb li issa sar jaf biha. Il-Koħħu kompla jgħid li darba wieħed mill-aħwa qal li messhom jitolbuhom il-miljuni tal-biċċa xogħol.

Jibda l-kontro eżami mid-difiża minn Dr William Cuschieri

Waqt il-kontro eżami ma’ Dr Cuschieri, Muscat qal li ma’ ħadd ma kien jitkellem dwar il-pjan tad-delitt tal-2015 għajr George Degiorgio u Jamie Vella.
Dwar il-kliem li qal “kellna l-għajnuna materjali” mingħand Chris Cardona u mingħand Ministru preżenti kif qal li kellhom għajnuna meta ġew arrestati, Muscat qal li dawn semagħhom mingħand George u Alfred Degorgio.

Fit-tliet ġimgħat mindu ġie infurmat li se jsir l-arrest, qal li hu baqa’ għaddej bil-ħajja normali, iżda kien qed jaħseb li wara l-arrest kienu se jressqu biss lil George Degorgio.

Mistoqsi kif Alfred Degoegio kien jaf dwar l-arrest, Muscat qal “għalija kien jgħidlu Chris Cardona” u skont ma qallu Degorgio. Dwar ir-raġuni għalfejn irrifjuta li jagħmel test tad-DNA, qal li sempliċiment ħasibha dak il-ħin. Kompla jgħid li David Gatt ma marx jassistih.

Il-Koħħu kompla jgħid li Arthur Azzopardi ċempel lil bintu u qaltlu li Muscat kellu jtih €6,000 li kien ilu biex itihomlu b’rabta mal-ġuri li kellu f’Jannar. Kompla li Dr Azzopardi mar jitolbu l-flus f’mument ħażin ħafna. L-avukat staqsa jekk kienx involut f’xi komplott ieħor biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia, iżda Muscat ċaħad.
Dwar ir-recordings ta’ Melvin Theuma, qal li ma jafx x’fihom. L-avukat qal li f’recording numru 9, hemm miktub li Muscat kien mifthiem ma’ Arthur Azzopadd u persuna oħra li se jtuh €300,000 għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Min-naħa tiegħu Muscat ċaħad.

Jibda jistaqsi l-ispettur Keith Arnaud 

Muscat qal li Arthur Azzopardi qal li mhux se jkellmu fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia iżda fuq il-każ l-ieħor. Hu kellu laqgħat ma’ Dr William Cuschieri biex jiddiskutu l-każ mal-aħwa Degorgio. L-avukat tiegħu Martin Fenech mar darbtejn biss għal dawn il-laqgħat.
Is-seduta se tkompli għada.