Lokali
ARA: Miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-ġuvni akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Pulizija

Tressaq il-Qorti l-ġuvni li tajjar u saq fuq pulizija f’Ħal Luqa. Fil-Qorti, Liam Debono ta’ 17-il sena minn Ħal Tarxien ġie akkużat fost oħrajn bl-attentat ta’ qtil tal-Pulizija tat-traffiku Simon Schembri. Debono qed jiffaċċja b’kollox 23 akkuża. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-qorti ordnat li jibqa jinzamm arrestat.

L-għada li tajjar pulizija f’Ħal Luqa, Liam Debono, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena, beda jiffaċċja l-ġustizzja meta tressaq il-qorti mixli bi 23 akkuża, bl-iktar waħda serja tkun dik ta’ attentat ta’ qtil.

F’awla ppakkjata bil-Pulizija u avukati, Liam Debono, bla ebda emozzjoni, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Minbarra li ġie mixli bl-attentat tal-qtil ta’ Simon Schembri – missier ta’ tliet itfal li għadu gravi fl-isptar, Debono jinsab akkużat ukoll li kkaġuna ġrieħi gravi, li ħebb għal Kuntistabbli, li kien qed isuq vettura bi pjanċi foloz, li saq mingħajr liċenzja, li ma obdiex ordnijiet mogħtija minn Pulizija, li saq vettura li suppost kienet iggaraxxjata, li saq mingħajr ċintorin tas-sigutà, li rrifjuta jagħti dettalji meta mitlub minn Pulizija, li ma saqx skont ir-regolamenti tat-triq, li saq b’veloċità għolja, li xtara b’mod illegali pjanċi ta’ vettura oħra, u li hu riċediv.

Għal Debono qed jidhru l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia li fil-qorti li filwaqt li ser jiddefendu l-akkużat skont l-obbligi tagħhom, ididkjaraw li ser jagħmlu dan b’sens ta rispettt u umanità lejn il-vittma li awgurawlu li jieħu lura saħħtu kif ukoll lejn il-korp tal-pulizija. L-avukati difensuri talbu l-ħelsien mill-arrest ta Debono.

L-Ispetturi Fabian Fleri, Pierguido Saliba u Chantelle Casha, oġġezzjonaw għat-talba -ħelsien minħabba l-gravità tar-reat, li jekk jinstab ħati jista’ jeħel sa massimu ta’ 30 sena ħabs. L-ispettur Saliba insista fil-qorti li dan ir-reat ta’ Deboni mhux biss huwa attakk fuq bniedem, iżda fuq uffiċjal tal-pulizija li jirrappreżenta lill-Istat. Qal li l-akkużat għandu każi oħra pendenti u dan juri li huwa qatt ma tgħallem u mhux persuna li tista’ tafdha.

Id-difiża talbet ukoll għal divjett fuq tal-isem taż-żagħżugħ iżda l-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, spjegat li l-liġi tesiġi divjet sal-età ta’ 16-il sena u għalhekk ċaħdet it-talba u ċaħdet ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Għall-familja tal-kuntistabbli Schembri qed jidher l-Avukat Andy Ellul.

Debono ttieħed taħt skorta lejn il-Ħabs ta’ Kordin. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih fit-28 ta’ Mejju meta Liam Debono jidher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

 

Ara wkoll:

SEGWI: Pass pass dak li seħħ illum fil-hit and run ta’ Ħal Luqa

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri ħabbar li lbieraħ daħħal abbozz fil-Parlament sabiex ikomplu jiħraxu l-multi fuq moħqrija tal-annimali. Għal darb’oħra l-Gvern ta għotjiet lill-Għaqdiet mhux Governattivi li qed jgħinu…

Lokali

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, jixtieq jinforma lill-pubbliku, li l-ground ginger m’għandux jiġi kkunsmat minħabba li nstab li fih livelli għoljin ta’ Benzo(a)pyrene u ta’ Polycyclic aromatic hydrocarbons….

Lokali

F’nofs ix-xahar id-dieħel il-Gvern se jerġa’ joħroġ il-bonds għall-persuni ‘l fuq minn 62 sena. Intant, f’kummenti lil TVM, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Gvern qed jaħseb biex iżid l-ammont…

Trasport

Hekk kif il-preparamenti u l-pjanijiet għall-mina bejn Malta u Għawdex għaddejjin ġmielhom, id-dibattitu dwar it-trasport f’Malta u f’Għawdex ma jonqosx. Waqt il-programm TVAM, id-Direttur ta’ Koncept X, il-Perit Konrad Xuereb…

Aktar