Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum 25/02/2018

The Sunday Times

Fuq il-faċċata ritratt tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u l-istorja li qed tgħid li l-President qed taħdem qatigħ biex ikollha ċ-ċans li tibqa’ President wara li ż-żmien tagħha jiskadi f’April tas-sena d-dieħla. Biex isir dan trid issir bidla fil-Kostituzzjoni.  L-istorja tgħid li jekk ma jirnexxiliex tasal għal dan, qed tipprova li terġa’ lura fil-politika u f’isem il-Partit Laburista toħroġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.  L-istorja tgħid li l-President li se taghlaq 60 sena f’Dicembru li ġej, tħoss li għadha żgħira wisq biex tirtira.

Storja oħra fuq il-faċċata hija dwar pjan għal ħames snin biex l-isptar Monte Karmeli jiġi ttrasformat fi sptar state of the art.  L-istorja tgħid li l-pjan jikkonsisti t’tibdil u trasformazzjoni mill-qiegħ.  Sala Male Ward 2,  diġà qed tiġi mibdula u li x-xogħol fuqha mistenni li jistlesta sa Mejju.

Fuq il-faċċata wkoll storja li tgħid li l-iskejjel tal-Ingliż f’Malta qed jintużaw bħala opportunità biex studenti li mhumiex Ewropej jiksbu visa Ewropea permezz ta’ Malta.  L-istorja tgħid li l-pulizija hija konxja ta’ dan iżda li tkun diffiċli biex jieħdu azzjoni.

Maltatoday

Fuq il-faċċata storja li tgħid li l-inċineratur tal-iskart mistenni li jitpoġġa fl-Għallis hekk kif l-ispazju tal-landfill imtela’.  L-impjant b’valur ta’ mija u ħamsin miljun ewro mistenni li jitmexxa bejn il-Gvern u l-privat hekk kif il-pajjiż irid isegwi regoli ġodda tal-Unjoni Ewropea li jimponu limitu fuq l-iskart mormi fil-landfills.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li l-impjiegi li ngħataw fl-Aġenzija Nazzjonali tal-Iskart, bejn l-2009 u l-2013, kienu kollha impjiegi li ngħataw b’talbiet diretti minn Ministri jew nies li jaħdmu mal-istess Ministri.  L-istorja tibbaża ruħha fuq emails li għandu l-ġurnal li jagħti prova ta’ dan.

The Malta Independent

Fuq il-faċċata storja li tgħid li l-Università Amerikana ta’ Malta m’għandhiex problemi finanzjarji.  Dan ġie kkonfermat lill-ġurnal mill-President il-ġdid ta’ din l-Università Lewis N Walker u li x-xogħol fuq il-kampus f’Zonqor jibda meta jkollhom iktar minn elfejn student li nkitbu f’din l-Unversità.

Storja oħra tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap Nazzjonalista Adrian Delia ta reazzjoni qawwija meta affaċċjat b’akkużi li hemm rabta bejnu u waħda mill-kumpaniji li tifforma parti mill-konsorzju tal-Electro Gas, Gasol plc.  L-akkużi jgħidu li huwa li għalhekk li  Dr Delia qed iżomm sieket fuq il-ftehim tal-Electrogas minħabba kunflitt ta’ interess.  Dr Delia qed jinnega dan kollu.

Illum

Fuq il-faċċata storja tgħid li ħmistax ilu ħareġ tender ta’ €807,000 mill-Gvern għal tagħmir mediku fl-isptar li qed imexxu VGH/Steward.  L-istorja tgħid li din it-tender hija stramba ħafna u li tħabbar fl-istess ġurnata li l-MAM ħabbret strajk.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li f’xahrejn biss bejn Dicembru 2017 u Jannar li għadda ngħataw 9,443 ċitazzjoni, jiġifieri 1628 ċitazzjoni inqas mis-sena li għaddiet.  Matul dawn ix-xahrejn żewġ sewwieqa biss laħqu l-massimu tal-punti biex ġiet sospiża l-liċenzja tagħhom.

It-Torċa

Fuq il-faċċata storja li tgħid li skont stħarriġ li għamel il-ġurnal, id-distakk bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u  l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia huwa ta’ 25%.  Skont l-istħarriġ meta n-nies mistoqsija dwar min l-aktar jafdaw bejn it-tnejn 47.2% qalu li jafdaw lil Dr Joseph Muscat filwaqt li 22.9% qalu li jafdaw lil Dr Delia.

Storja oħra tgħid li l-Prim Ministru Indjan qed iħares lejn aktar diskussjonijiet serji bejn pajjiżu u Malta minħabba li Malta għandha reputazzjoni tajba kemm finanzjarja u ekonomika.

Fuq il-faċċata wkoll storja li tgħid li hemm kumpaniji internazzjonali li qed ifittxu li1enzja biex ifittxu ż-żejt fl-ibħra Maltin.

Il-Mument

Fuq il-faċċata storja li qed tgħid li fi ħdan il-Partit Laburista għaddej ġlied kbir hekk kif Karl Stagno Navarra qed ifittex li joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.  L-istorja tgħid li Stagno Navarra, ex ġurnalist tal-media Nazzjonalista qed jiġi mbuttat miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, iżda bosta fi ħdan il-partit qed jopponu lil Stagno Navarra, anki minħabba l-vantaġġ li għandu bi programm kuljum fuq One Tv.

Storja oħra fuq il-faċċata titratta dwar allegazzjonijiet serji fil-ħabs ta’ Kordin, fejn qed jingħad li fit-taqsima tal-prigunieri nisa, kien hemm bosta minnhom li nstabu li qed jieħdu d-droga, u li fil-ħabs in-negozju tad-droga qed ikompli jikber.

Kullħadd

Fuq il-faċċata storja li tgħid li r-riżenja ta’ Charlot Cassar mill-Partit Nazzjonalista bħala kunsillier f’Wied il-Ghajn mhix tal-aħħar, u li Adrian Delia għandu konfoffa ta’ nies li qed jaħdmu kontrih, liema konfoffa skont l-istorja hija ffurmata minn avukati u intellettwali li kienu jiltaqgħu f’uffiċċju fi triq San Kristofru l-Belt Valletta

Fuq il-faċċata wkoll storja li tgħid li din is-sena kif kien wiegħed dan il-Gvern, mal-14,000 student se jkunu qed jingħataw transport b’xejn b’sistema organizzata li tkopri lit-tfal kollha tal-iskejjel.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

B’digriet ta’ Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna, il-Knisja Parrokkjali Matriċi ta’ Stella Maris ġiet mgħollija għad-dinijtà ta’ Knisja Arċipretali. Hekk, il-kappillan tal-Parroċċa, fil-preżent Mons. Anton Portelli, jkollu wkoll it-titlu ta’…

Lokali

Xena mill-isbaħ tal-bajja ta’ Mġarr ix-Xini kif probabbli qatt ma rajtha. Dan ir-ritratt, li ttieħed mill-astronomu Joseph Caruana, jagħtina ħjiel tal-ġmiel naturali li kienu jgawdu missirijietna, u li llum sfortunatament…

Lokali

Fl-1 ta’ Lulju, fil-pjazza ewlenija tal-Qala, l-Għaqda Briju San Ġużepp b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex se jorganizza l-‘Festa Għawdxija’. Dan l-avveniment se jsir proprju meta l-istaġun tal-festi f’pajjiżna jkun fl-aqwa tiegħu….

Lokali

Raġel mgħammad u armat b’sikkina seraq €100 flus kontanti minn ħanut tal-merċa f’Ħal Tarxien. Il-każ seħħ fi Triq Karlu Maratta għall-ħabta tan-nofsiegħa. Ir-raġel talab lill-kaxxiera biex tagħtih il-flus kollha, kif…

Aktar