Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

The Sunday Times

Fuq il-faċċata storja li tgħid l-Imħallef Joseph Azzopardi huwa l-iktar kandidat favorit li jkun il-Prim Imħallef li jmiss wara li jirtira l-Prim Imħallef Silvio Camilleri x-xahar id-dieħel.  L-Imħallef Joseph Azzopardi li x-xahar li ġej se jagħlaq tlieta u sittin sena huwa l-iktar favorit li jikseb din il-kariga, anki jekk jieħu l-kariga jirtira wara sentejn.  L-Imħallef Joseph Azzopardi kien kandidat Laburista u kien ukoll il-President tal-kamra tal-avukati.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li tim ta’ esperti forensċi ilhom jinvestigaw il-bank Pilatus għal diversi xhur wara allegazzjonijiet li l-bank jintuża għall-ħasil tal-flus. Sorsi qrib l-MFSA qalu li kumpanija internazzjonali ntalbet biex tinvestiga l-operat tal-bank, liema investigazzjoni mistennija ttul għal diversi xhur oħra.

Fuq il-faċċata wkoll storja li tgħid li ċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kien attenda għat-tieġ taċ-Chairman tal-Bank Pilatus Sayed Ali Sadr Hasheminejad li ftit tal-jiem ilu ġie arrestat fl-Istati Uniti.

Maltatoday

Fuq il-faċċata storja li tgħid li fi tmiem is-sena li għaddiet, investigaturi Amerikani kienu tkellmu mal-FIAU minħabba l-investigazzjoni tagħhom fuq il-Bank Pilatus, b’rabta mal-arrest taċ-Chairman tal-Bank Ali Sadr Hasheminejad ftit tal-jiem ilu f’Virginia l-Istati Uniti, akkużat bi frodi bi ksur tas-sanzjonijiet impost mill-Istati Uniti kontra l-Iran.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li l-avukat tar-Russa Maria Efimova, ex impjegata tal-bank Pilatus u li għamlet allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant u l-allegat indħil tal-mara tal-Prim Ministru fl-imsemmija kumpanija, ċaħad li Efimova qed tipprova tikseb ażil politiku fil-Greċja.  Efimova ftit tal-jiem ilu tat ruħha f’idejn il-pulizija Griega wara li kien inħarġu żewġ mandati ta’ arresti kontriha mill-Ewropa.

Storja oħra tgħid li l-ex impjegat tal-FIAU, Jonathan Ferris ma kienx ingħata l-istatus ta’ whistleblower għaliex skont uffiċjal tal-Gvern, Philp Massa qal li Ferris ma kienx mexa mad-dispozizzjonijiet li jirrikjedi dan l-istatus  skont il-liġi tal-Whistle blower.

The Malta Independent on Sunday

Fuq il-faċċata ritratt tal-Prim Ministru Joseph Muscat u tal-Kap tal-Oppozizzjoni Adrian Delia bi tbissima waqt li lbieraħ, ġimgħa qabel, suppost tfakkar Jum il-Ħelsien.

Storja fuq il-faċċata tgħid li raġel Ingliż nieqes mid-dawl, Andrew George li juża kelb gwida ma tħalliex għal diversi drabi jitla’ fuq karozza tal-linja, fejn wara li dan talab biex juża tal-linja biex imur għax-xogħol, saħansitra anki pulizija li ssejjaħ fuq il-post ordnalu biex jinżel minn tal-linja bil-kelb b’kollox.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li l-Gvern bi pjan komprensiv ghal tlett snin biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-pajjiż, pjan immexxi mill-Ministeru tal-Finanzi.  Dan hekk kif Malta qed tilqa’ għall-ispeċjalizzazzjonijiet finanzjarji tal-iGaming,  u teknoloġija finanzjarja.

Illum

Fuq il-faċċata l-istorja ewlenija dwar ir-Russa Maria Efimova, bil-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jgħid li issa li din hija arrestata fil-Greċja, hemm obbligu li din tintbagħat lura Malta.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li l-bdiewa li għandhom l-għelieqi f’Bulebel iż-Żejtun, għadhom imdendlin b’avviż ta’ żgombru li jista’ jintuża kontrihom.

Il-Mument

Fuq il-faċċata ritratt tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia waqt maratona ta’ ġbir ta’ fondi għall-Partit Nazzjonalista f’Għawdex.

Storja oħra tgħid li wara l-arrest taċ-Chairman tal-Bank Pilatus, silenzju kemm mill-Prim Ministru u anki mill-Ministur tal-Finanzi.

Fuq il-faċċata wkoll storja li tgħid l-ex Ministru George Vella ta reazzjoni tiegħu għar-rapport tal-ġurnal li l-Gvern ma jridx ipoġġih President wara li jiskadi t-terminu tal-President attwali għaliex huwa kontra l-abort, b’Dr Vella jgħid li mhux se jikkummenta u li jsejjaħ ir-rapport tal-ġurnal bħala qarrieqi u spekulattiv għall-aħħar. 

It-Torċa

Fuq il-faċċata storja li tgħid li skont iċ-Chairman tal-Finance Malta, Kenneth Farrugia, l-MFSA ħadet azzjoni f’waqtha kontra l-Bank Pilatus wara l-arrest taċ-Chairman tagħha fl-Istati Uniti.

Storja oħra fuq il-faċċata titratta lmenti minn xufiera tat-trasport pubbliku fuq ix-xogħol tagħhom.

Rapport ieħor jgħid li s-suċċess ekonomiku u finanzjarju ta’ pajjiżna wassal għal inqas taxi minn dan il-Gvern, u €258 miljun fi dħul.

Kullħadd

Fuq il-faċċata storja li tgħid il-flus li kienu jagħmlu kemm l-ex Ministru Tonio Fenech u l-kap Nazzjonalista Adrian Delia meta kien hemm Gvern Nazzjonalista, b’Tonio Fenech li kien ħareġ b’valur ta’ €200,000 f’direct orders lill-kumpanija ta’ Adrian Delia.

Fuq il-faċċata wkoll storja li titratta dwar il-bank Nimea li sena ilu spiċċa bil-liċenzja tiegħu rtirata, bank li kellu lill-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi bħala direttur.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li aktar familji b’inqas dħul qed isiru sidien ta’ djarhom, u storja oħra li tikkwota lilll-Professur Kenneth Wain jgħid li dan il-Gvern daħħal serjetà fl-amministrazzjoni tal-fondi għall-għaqdiet volontarji.