
Ħarsa lejn l-istejjer fil-ġurnali tal-lum 20/05/2018
The Sunday Times
Fuq il-faċċata ritratt tat-tieġ irjali ta’ bejn Prinċep Harry u Meghan Markle waqt li kienu fil-karozzella jsellmu lill-eluf ta’ nies li nġabru fit-toroq wara li żżewġu f’St George’s Chapel.
Storja fuq il-faċċata tgħid li kumpanija ġiganteska Ingliża fil-qasam tal-gaming il-Bet 365 se tirriloka f’Malta wara l-Brexit. Il-grupp mmexxi minn familja Ingliża għandu dħul ta’ biljun u nofs ewro fis-sena u f’Malta mistenni li jġib elf impjegat.
Rapport ieħor fuq il-faċċata jgħid li l-uffiċċju tal-FIAU f’Malta kien talab l-għajnuna tal-Latvja biex jintraċċa pagamenti li kienu saru permezz ta’ ABLV Bank fil-Latvja, li huwa marbut ma’ korruzzjoni li tinvolvi lill-kumpannija 17 Black. Dan il-bank fil-Latvja kellu jagħlaq minħabba li nstab li kien involut f’ħasil ta’ flus.
The Malta Independent on Sunday
Fuq il-faċċata ritratt tal-mixja li ġiet organizzata lbieraħ fil-Belt Valletta bħala turija mal-korp tal-pulizija wara l-attentat ta’ qtil fuq kuntistabbli tal-pulizija meta ġuvni ta’ sbatax –il sena baqa’ għaddej minn fuqu u kważi qatlu.
Fuq il-faċċata wkoll storja li tgħid li skont l-aħħar dokumenti finanzjarji tal-kumpanija Gasol, li kienet is-sieħeb maġġuri tal-proġett tal-power station ta’ Delimara, m’hemm xejn li jindika d-dettalji dwar kif din il-kumpanija telqet minn Malta. Qed jingħad li l-kumpanija ħarġet minn Malta u ngħatat somma li ma ġietx imsemmija.
Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li skont il-President tal-Assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi Sandro Chetcuti, is-settur privat jista’ jibni l-akkomodazzjoni soċjali tal-Gvern bi tmienja u tletin miljun ewro inqas minn dak li ġiet stmat. Is-Sur Chetucuti kien qed jirreferi għall-bini ta’ 1,200 post ta’ akkomodazzjoni soċjali li l-Gvern qed jistma li se jiswa €110 –il miljun.
Maltatoday
Fuq il-faċċata storja li tgħid li esperti tal-Unesco waqqfu lil lukandiera milli jittrasformaw il-forti Sant Iermu f’Laguna. Il-proposta kienet mressqa mill-kumpannija Sohum Wellness iżda mmedjatament daħlet il-Unesco li ddikjarat li żvilupp simili fil-Forti Sant Iermu.
Storja oħra tgħid li l-bank ċentrali Żvediż mhux se jippermetti li l-munita tal-Iżveżja tiġi stampata mill-kumpanija Crane Currency f’Malta. Il-munita tal-Iżveżja kienet tiġi stampata mill-Crance Currency fl-Iżveżja stess, iżda issa jidher li l-bank ċentrali tal-Iżveżja ma jridx li l-istampar tal-munita jsir f’Malta.
Il-Mument
Fuq il-faċċata ritratt tal-mixja ta’ solidarjetà mal-korp tal-Pulizija fil-Belt Valletta li għaliha attendiet il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-ispeaker Anglu Farrugia, u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Minbarra r-ritratt isegwi rapport ta’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u dak Nazzjonalista Adrian Delia li qal li dwar dak li ġara lill-kuntistabbli Simon Schembri għandu tahlita ta’ rabja, dieqa, u ħafna niket.
It-Torċa
Fuq il-faċċata storja li tgħid li l-grupp Palumbo qed jirreġistra sena rekord ta’ xogħol f’Malta fit-tiswija u manteniment tal-vapuri.
Storja oħra fuq il-faċċata b’intervista ma’ avukat speċjalizzat fuq l-IVF Steven H Synder li qal li għandhom iħallu l-għażliet dwar jekk jagħmlux l-IVF jew le, u l-għażliet li hemm għal dan, mill-koppji infushom. Dan l-avukat jgħid li jaqbel li għandu jkun hemm l-għażla li jkun hemm donaturi anonimi, l-għażla li l-ulied isiru minn donazzjonijiet ta’ gameti u li l-ġenituri jkunu magħrufa meta l-ulied jagħlqu 18-il sena, u l-għażla li d-donaturi jkunu magħrufa mill-bidu.
Fuq il-faċċata wkoll storja dwar mara Maltija li qasmet l-esperjenza tagħha fuq il-vjolenza domestika li tgħaddiet minnha.
Storja oħra titratta dwar Patri Mark Montebello li qed jingħad li ġie msikket mill-awtoritajiet tal-Knisja għax tkellem kontra l-istrateġija tal-Knisja fuq l-kwistjoni tal-IVF.
ILLUM
Fuq il-faċċata storja dwar l-użu tal-pornografija f’Malta li wera kif il-maġġoranza tal-koppji Maltin jemmnu li l-pornografija tista’ tgħin lir-relazzjoni intima tagħhom.
Storja oħra tgħid li skont ir-rapport annwali dwar il-kriminalità rrapurtata f’Malta wera kif is-sena li għaddiet, is-serq naqas b’162 każ. Minkejja dan iżda l-frodi żdied b’mod drastiku.
Kullħadd
Fuq il-faċċata ritratt tal-monument għal Dom Mintoff li għadu f’Ruma u li meta jkun lest dan se jsib ruħu fi Pjazza Kastilja.
Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li ġie proġett infrastrutturali kbir li se jibdel il-mod kif jopera t-traffiku fiż-żona ċentrali ta’ pajjiżna.
Fuq il-faċċata storja li tgħid li aktar minn mitejn persuna diġà applikaw għall-iskema ġdida tas-second time buyers.
Fuq il-faċċata wkoll il-ġurnal b’ritratt tal-mixja ta’ solidarjetà mal-Korp tal-Pulizija fil-Belt Valletta lbieraħ.