Gazzetti
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-gazzetti tal-lum

Din hija ħarsa ħafifa lejn il-gazzetti ppubblikati llum il-Ħadd 22 ta’ Lulju 2018:

Fl-ewwel paġna ta’ The Sunday Times of Malta insibu storja li tgħid grupp ta’ depożitanti tal-bank Pilatus qed jheddu li jfittxu lill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji biex jieħdu lura madwar 80 miljun ewro f’assi li għandhom iffriżati. Ritratt ta’ biċċa art quddiem ir-residenza tal-Ministru għat-Trasport Ian Borg b’rapport li jgħid li l-Ministru Borg applika għal permess biex l-għalqa li taqa’ f’żona barra mill-iżvilupp, issir żona b’pixxina għad-dar tiegħu. Rapport fl-ewwel paġna jgħid li hemm stennija għal pubblikazzjoni sħiħa tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant wara li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ħabbar li l-Maġistrat Aaron Bugeja lesta l-inkjesta u għaddieha lill-uffiċċju tiegħu u qed tkun analizzata.

Fil-faċċata ta’ It-Torċa nsibu storja li tistaqsi min bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, se jkollu riżenzja hekk kif ilbieraħ sar magħruf li l-Maġistrat Aaron Bugejna lesta l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant. Ritratt fl-ewwel paġna huwa marbut ma’ storja li tgħid li se jsir investiment mill-Korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma għal sistema ta’ ilma kompletament mibdula fi żmien tliet snin. Rapport ieħor jgħid li statistika maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea kkonfermat iż-żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil madwar l-Ewropa kollha.

Fl-ewwel paġna ta’ Il-Mument insibu ritratt tat-tenur Joseph Calleja waqt il-kunċert fuq il-Fosos tal-Florjana. Fl-ewwel paġna wkoll ritratt tal-Minsitru tal-Finanzi Edward Scicluna u titlu ta’ rapport li jgħid li Scicluna ma ddefendiex l-interess nazzjonali. Fl-ewwel paġna wkoll rapport li jikkwota lill-Partit Nazzjonalista jgħid li r-rapport tal-inkjesta Maġisterjali li għadda mill-Maġistrat Aaron Bugeja għand l-Avukat Ġenerali għandu jkun ippubblikat kollu.

Fil-faċċata ta’ MaltaToday ukoll insibu rapport li l-jgħid li l-Maġistrat Aaron Bugeja lesta l-inkjest dwar il-kumpanija Egrant u li hemm stennija kbira għal pubblikazzjoni tagħha. Storja oħra fl-ewwel paġna tgħid li l-Partit Laburista ta stima baxxa tal-proprjetà fejn hemm l-Australia Hall f’Pembroke u intalab mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni sabiex iħallas eluf ta’ ewro f’taxxi tal-qligħ kapitali.

Fl-ewwel paġna ta’ KullĦadd insibu t-titlu ‘Il-Mument tal-Verità’ u ritratt tal-Prim Ministru Joseph Muscat u ritratti iżgħar ta’ Maria Efimova, ta’ Daphne Caruana Galizia, ta’ Pierre Portelli, tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Il-gazzetta tgħid li l-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant tlestiet u għaddiet għand l-Avukat Ġenerali, li l-Prim Ministru qal li l-inkjesta għandha tiġi ppubblikata u li r-responsabilità politika titlob li Joseph Muscat jew Simon Busuttil irid jirriżenja.

Fil-faċċata ta’ The Independent on Sunday ritratt tal-għawwiem Neil Agius wara li temm għawma ta’ 70 kilometru madwar Malta f’inqas minn 22 siegħa biex iqajjem għarfien dwar it-tniġġiż mill-plastik fil-baħar. Il-gazzetta tgħid li l-ballun dwar il-kumpanija Egrant jinsab f’saqajn l-uffiċċju tal-avukat ġenerali wara li l-Maġistrat temm l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ mart il-Prim Minisitru. Storja oħra fil-faċċata tgħid li l-Ministeru tas-Saħħa qed jaħdem fuq proġett ta’ 12-il miljun ewro sabiex itejjeb is-servizz nazzjonali tat-trasfużjoni tad-demm.

Fl-ewwel faċċata ta’ Illum insibu storja li tgħid li l-ħsieb biex il-linja tal-ajru l-AirMalta, tkun privatizzata, ingħata l-ġenb. Storja oħra tgħid li mhxu se jkunu qed jiżdiedu aktar sulari fuq il-bini fl-ibliet u l-irħula Maltin u li x-xogħol fuq ir-reviżjoni tal-pjani lokali wasal fi tmiemu. Anki l-Illum tirrapporta li l-inkjesta Egrant tinsab għand l-Avukat Ġenerali, iktar minn sena wara li saret allegazzjoni minn Daphne Caruana Galizia fil-konfront tal-Prim Ministru u martu s-Sinjura Muscat.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Matul il-lejl, grupp ta’ 61 immigrant mistennija jiddaħħlu Malta wara li sabu ruħhom f’diffikultà bejn sema u ilma. Stqarrija tal-Forzi Armarti qalet li ċ-ċentru tal-kordinazzjoni tas-salvataġġ Maltiillum tard waranofsinhar kien…

Infrastruttura

Il-pontijiet li jaqsmu l-ibliet u jħaffu t-traffiku huma meħtieġa iżda l-manutenzjoni tagħhom hija daqstant importanti biex jiġu evitati diżgrazzji. Ftit tal-ġimgħat ilu Infrastructure Malta lestiet l-ewwel fażi ta’ tisħiħ tal-Pont…

Ambjent

Wara li f’lejlet Santa Marija nirien ħakmu l-Maqluba fil-Qrendi u għal diversi jiem ma kinux ntfew għalkollox, l-espert fil-biodiversità, Alfred Baldacchino, qal li l-ħsara li saret m’hijiex biss fis-siġar li…

Aktar