Qorti
Xhieda jirrakkuntaw dak li raw fuq ix-xena tad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia

Hekk kif dalgħodu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kompliet tinstema l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-aħwa Adrian u Robert Agius, Jamie Vella u George Degorgio s-seduta rat jixhdu diversi persuni li kienu preżenti fuq ix-xena tad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-erba’ akkużati jinsabu mixlijin b’akkużi relatati kemm mad-delitt ta’ Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru 2017 fil-Bidnija u dak tal-Avukat Carmel Chircop li kien seħħ fit-8 ta’ Ottubru 2015 f’Birkirkara.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud flimkien mal-Ispettur Shawn Pawney u Wayne Camilleri u l-Avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukati Alfred Abela u Renè Darmanin qed jiddefendu lill-aħwa Agius u lil Vella waqt li l-Avukat William Cuschieri qed jidher għal Degiorgio.

Il-familja Caruana Galizia għandha jidhru għaliha lill-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia waqt li l-familja Chircop qed tkun rappreżentata mill-Avukat Vince Galea.

9.20 Bdiet tixhed l-Avukat Veronica Anne Spiteri li ppreżentat fil-Qorti tmien ‘statements’ tal-erba’ akkużati. Dawn se jkunu qed jgħaddu ghand il-prosekuzzjoni, id-difiża u l-‘parte civile’ jiġifieri, f’dan il-każ, l-avukati tal-vittmi.

9.23 Qed jixhed issa l-pumpier Arthur Grech, stazzjonat ix-Xemxija, fejn qal li fis-17 t’Ottubru 2017 daħlet telefonata għall-habta tat-3.00 p.m. fejn ġew infumati li kien hemm splużjoni u nar f’għalqa.

Fid-deskrizzjoni tax-xena li sab meta mar irrakkonta li kien hemm karozza taqbad fl-għalqa u meta tbatta n-nar indunaw li kien hemm persuna ġewwa.
9.32 Il-Kuntistabbli Charles Azzopardi, li kien stazzjonat il-Mosta, qed jixhed li wasal fuq il-post tad-delitt ta’ Caruana Galizia u sab karozza taqbad. Huwa qal li ġie raġel fuqu, li rriżulta li kien Matthew Caruana Galizia, li qallu li ommu kienet il-persuna fil-karozza.

L-imsemmi uffiċjal irrakkonta kif ħares ‘l isfel u ra id ta’ persuna. Hawn qal lit-tifel ta’ Caruana Galizia sabiex jersaq lura. Huma ndunaw li kienet splużjoni minħabba li s-saqaf tal-karozza kien imbuttat ‘l fuq.

9.35 Issa qed jixhed il-pumpier Massimo Cassar li rrakkonta kif ħadem sabiex jitfi n-nirien tal-karozza u l-madwar fil-Bidnija. Huwa qal li meta ntfew in-nirien ra persuna ġewwa u qal li l-karozza kienet bla ħġieġ u bla ‘windscreen’.

9.36 Pumpier ieħor, Harry Edison, irrakkonta li l-forma tal-karozza wara l-isplużjoni kienet bħal ‘bubble’. Hu spjega li ra għadd ta’ partijiet tal-kadavru mxerrda mal-art.

9.28 Issa qed jixhed l-eks sid tad-dgħajsa “Maya”, Ivan Formosa, fejn qal li biegħ id-dgħajsa tiegħu wara li kienet ilha għandu tmien snin.

Huwa spjega li fit-2 ta’ Frar ġie George Degorgio li qallu li ried jixtri d-dgħajsa tiegħu. Lil Degiorgio ma kienx jafu u dan avviċinah minħabba li kellu d-dgħajsa għall-bejgħ.

L-għada ġie jipprova d-dgħajsa u ġurnata wara tah id-depożitu.  Huwa qal li b’kollox Degorgio ħallas €30,000 għal din id-dgħajsa.

Hawnhekk jinterrompi l-Avukat William Cuschieri fejn jgħid li l-prosekuzzjoni qed tistaqsi domandi li m’humiex relevanti għall-kaz.

Huwa jgħid li d-difiża tixtieq li tingħalaq il-kumpilazzjoni sabiex jghaddu għall-ġuri kemm jista’ jkun malajr sabiex jipprova l-innoċenza tal-klijenti tiegħu.

9.53 Issa qed jixhed Francis Sant mill-Bidnija fejn qal li kien qed isuq il-karozza tiegħu fl-inħawi fejn inqatlet Caruana Galizia. Huwa qal li x’ħin kien tiela’ t-telgħa ra karozza żgħira bajda nieżla kontra tiegħu.

Sant qal li meta l-karozzi kienu madwar 20 metru bogħod minn xulxin il-karozza waqfet u nnota persuna ppanikkjata fil-karozza.

Huwa spjega kif waqaf u f’daqqa waħda ra l-karozza tieħu n-nar. Fi ftit sekondi ra splużjoni ikbar bil-karozza tispara ‘l quddiem, tgħaddi qrib ħafna tiegħu u tibqa’ sejra fl-għalqa ta’ faċċata.

Sant qal li jħoss li hu assista għall-eżekuzzjoni u li kien ixxukkjat bil-kbir waqt li spjega li ftit tas-sekondi wara ra lit-tifel ta’ Caruana Galizia fejn għall-ewwel m’għarfux.

Meta staqsieh jekk jafx ta’ min hi l-karozza Matthew ma weġbux imma baqa’ sejjer fl-għalqa fejn irrakkonta li kważi daħal fin-nar.

Sant qal li wara li xehed quddiem il-Pulizija marru għandu ħafna ġurnalisti jistaqsuh dwar dak li ra dakinhar.

10.00 Issa jixhed Wallace Sammut li joqgħod fl-inħawi fejn qal li ra karozza suspettuża fil-viċinanzi.

Huwa qal li kemm-il darba raha pparkjata hemm anke quddiem il-grada tad-dar tiegħu u spjega li darba ra persuna fil-karozza iżda qal li ma jistax jiftakar min kien qed isuq.

Mistoqsi x’kellha suspettuż il-karozza qal li kienet tal-kiri u li kienet ta’ spiss tiġi pparkjata quddiem daru minkejja li ma kienet tal-ebda persuna li toqgħod fit-triq.

10.15 Is-seduta sospiża għal kwarta.

10.30 Qed tixhed issa persuna oħra li toqgħod fil-viċinanzi tal-Bidnija fejn irrakkontat li wkoll kienet tara karozza suspettuża tat-tip Peugeot li kienet tkun ipparkjata ta’ spiss.

Hija rrakkuntat kif ftit tal-jiem wara d-delitt, waqt l-interrogazzjoni, ġiet mistoqsija dwar din il-karozza mill-Ispettur (illum Supretendent) Keith Arnaud u kkonfermat li l-vettura kienet Peugeot bajda “miż-żgħar” li kienet dejjem vojta.

10.41 Ufficjal mill-Percius Car Hire qed jixhed issa fejn qal li kienu jikru l-karozzi lil Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li kienu krewlha karozza u li ftit taż-żmien wara ġabulha oħra ġdida li żanżnitha hi. Dan kien tlett xhur qabel seħħ id-delitt.

10.49 Mario Vella, li joqgħod il-Bidnija, qal li dakinhar li nqatlet Caruana Galizia kien il-Mosta fejn cemplitlu t-tifla u qaltlu li semgħet splużjoni u staqsietu hux kollox sew minħabba li għandu razzett fl-inħawi tal-isplużjoni.
It-tifla tiegħu ħasbet li seħħ xi ħaġa fir-razzett ta’ missierha.

Ftit tal-minuti wara mar lejn ir-razzett fejn fi triqtu nnota l-karozza taqbad u raġel imbikkem fit-triq.

Vella rrakkonta kif iltaqa’ ma’ xhud ieħor li diġà xehed, Frans Sant, fejn qal li staqsieh x’inhu jiġri. Huwa qal li Sant qallu li kien hemm persuna maqbuda fil-karozza.

Ix-xhud kompla li ġie r-raġel li ra ftit tal-ħin qabel, li wara nduna li kien Matthew Caruana Galizia, u dan beda jgħajjat xi kliem bl-Ingliż.

Huwa staqsieh x’ġara u Caruana Galizia akkużah li qed jieħu ritratti tal-inċident. Ġie fuqhom pulizija fejn ikkonferma li ma kienu ttieħdu ebda ritratti.

Vella sostna li minkejja dan Caruana Galizia sabbatlu l-mobile mal-art u kien hawn meta ttieħed in-naħa l-oħra tat-triq sabiex jikkalma.

11.00 Is-seduta tintemm hawn. Il-kumpilazzjoni tkompli fis-17 ta’ Mejju.