Qorti
Il-Koħħu jgħid li jħoss li ġie tradut mill-aħwa Degiorgio

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra George u Alfred Degiorgio, akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fil-kontro-eżami ta’ Vince Muscat qal kif hu u l-aħwa Degiorgio kienu jingħataw tagħrif minn avukat li kien jikseb informazzjoni mingħand l-ex deputat Kummissarju tal-Pulizija u ex impjegat fil-Ministeru ta’ Chris Cardona dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ. Żvela wkoll li minbarra huma, kien hemm grupp ieħor ta’ nies li kienu qed jippjanaw biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia.

L-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, il-Koħħu, implikati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienu jirċievu infomazzjoni dwar l-investigazzjonijiet tal-pulizija minn avukat li kien jikseb it-tagħrif mingħand l-ex deputat kummissarju tal-pulizija, Silvio Valletta.

Fil-kontro-eżami waqt il-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-aħwa Degiorgio, il-Koħħu qal li l-aħwa Degiorgio kienu jiksbu wkoll informazzjoni minn impjegat li kellu Chris Cardona meta kien Ministru tal-Ekonomija.

Il-Qorti ordnat divjet fuq l-ismijiet tal-avukat u ta’ dan l-impjegat biex ma jiġux ippubblikati.

Muscat xehed li l-aħwa Degiorgio kienu qalulu li irranġawlu mitt elf ewro għall-ħelsien mill-arrest li madankiollu t-talba ma kinitx intlaqgħet mill-qorti. Qal ukoll li l-aħwa kienu ċemplu lill-intermedjarju Melvin Theuma mill-ħabs billi użaw mobile phone sigriet li jitqassam bejn il-ħabsin.

Mistoqsi x’kien jaf dwar l-involviment tal-ex ministru Chris Cardona dwar il-każ, huwa qal li Alfred Degorgio, Chris Cardona u hu kienu ltaqgħu f’bar qabel l-2017 iżda mhux wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Qal li kien wassal lil Alfred Degiorgio biex jiltaqa’ ma’ Cardona xi tliet darbiet, darba Kastilja fejn daħal mill-bieb tal-ġenb u darba Portomaso.

Il-Koħħu qal li Alfred Degiorgio kien qallu li Cardona kien konxju tal-kumplott biex tinqatel Daphne Caruana Galizia fl-2015 u li kien hemm grupp ieħor ta’ nies li kienu qed jippjanaw li joqtluha għal 150 elf ewro. Dwar il-pjan tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia il-Koħħu qal li kien jaf ukoll l-ex spettur tal-pulizija u avukat David Gatt.

Għal aktar minn darba, Vince Muscat qal li ħassu ttradut mill-aħwa Degiorgio li ma kinux informawh li George kien itoppja l-credit tal-mobile li intuża biex jisplodi l-bomba. Qal li din tpoġġiet fil-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia l-unika darba li ħallietha barra u kien ra lill-Alfred Degiorgio jqiegħda fil-karozza tagħha.


Is-seduta f’aktar dettall:

 

Fl-awla numru 22 se jkompli l-kontroeżami ta’ Vince Muscat, il-Koħħu, waqt il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio. Huma jinsabu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ilbieraħ, l-aħwa George u Alfred Degiorgio ressqu protest fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed iżommu lill-Kabinett responsabbli wara d-deċiżjoni li ħa fejn ma laqax it-talba tagħhom għal maħfra presidenzjali. Huma talbu lill-President tar-Repubblika ma jimxix mad-deċiżjoni tal-Kabinett u wissew li jekk l-istess deċiżjoni ma tinbidixl lesti jiftħu kawża.

9.40 Tidħol fl-awla, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Ftit ħin wara jiddaħħal Vince Muscat. Preżenti wkoll fl-awla l-aħwa Degiorgio.

9.45 Jibda bid-domandi l-avukat tal-aħwa Degiorgio, Dr William Cuschieri. L-ewwel domanda tiegħu hija dwar il-pjan li jisparaw lil Daphne Caruana Galizia. Muscat iwieġeb li dak kien l-ewwel pjan tagħhom li jisparawlha u jmorru f’garaxx fin-Naxxar u wara kulħadd jitlaq lejn id-dar. Mistoqsi dwar kif kien se jitlaq min-Naxxar, il-Koħħu qal li kien se jitlaq bil-karozza li kienu se jipparkkjaw ħdejn il-garaxx. Mistoqsi dwar il-garaxx ta’ Santa Venera, Muscat qal li Degiorgio kien qallu biex jikri garaxx u li kien sab persuna biex tikri l-garaxx f’ismu. Dwar il-ktieb tal-kera, il-Koħħu spjega li ġieli żammu hu u ġieli ramieh. Qal li l-isem fuq il-ktieb kien falz.

9.50 L-avukat jistaqsi jekk dan il-garaxx intużax għal xi reati oħra. Muscat jistaqsi dil-mistoqsija x’għandha x’taqsam mal-każ u jagħżel li ma jweġibx wara li l-Maġistrat qaltlu li għandu dritt ma jweġibx jekk jaħseb li jista’ jikkrimina ruħu. Meta l-avukat qallu li ħa l-proklama biex jgħid il-verità, Vince Muscat wieġeb li hu ħa l-proklama fuq il-qtil tal-avukat Chircop u mhux fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

9.55 L-avukat Cuschieri jistaqsi dwar il-karozza li kienu krew u li hi ezatt bħal ta’ Daphne Caruana Galizia biex jagħmlu xi provi fuqha. Haw’ isemmi lil Robert tal-Maksar li kien qallhom minn fejn setgħu jikru waħda. Mistoqsi jekk semgħax lil Robert jgħid hekk, il-Koħħu wieġeb li le għax hu dejjem lil George u Alfred Degiorgio kien ikellem. Żied jgħid li jaf li meta kienu se jmorru kienu se jsibu l-karozza lesta.

10.00 Muscat jikkonferma li qabel l-omiċidju kien iwassal lid-Degiorgio għand Chris Cardona li dak iż-żmien kien Ministru.  Dr Cuschieri jistaqsi lix-xhud jekk qattx kien fil-kumpanija ta’ Alfred Degiorgio u Dr Cardona. Hawn Muscat jistaqsi jekk jistax ma jwiġibx, bil-Maġistrat tintervjeni u tistaqsihx jekk kinux xi darba flimkien f’daqqa. Muscat iwieġeb iva, bl-avukat jistaqsi kinux f’bar għal xi drink. Hawn, Muscat jerġa’ jwieġeb fl-affermattiv. Meta kien mistoqsi hux wara l-qtil, Muscat jgħid li le u li wara l-qtil qatt ma’ ltaqa’ miegħu.

10.15 Muscat jikkonferma li Alfred Degiorgio qatt ma qallu li ħalla ismu fuq ir-reġistru ta’ Kastilja. Qal li kienu jiddejqu li jħallu isimhom xi mkien jew fejn ikun hemm xi kameras.

10.20 Dr Cuschieri jistaqsi jekk hux minnu li skontu Alfred qalu li Cardona jaf bil-qtil u l-ħlas. Muscat jikkonferma u jgħid li hekk kien qallu Alfred u li qalu waqt laqgħa Cardona kien bagħat xi messaġġ bil-WhatsApp u qalu li hemm grupp ieħor fil-pjan u se jitħallas €150,000. Qal li Alfred qal lil Cardona li dak il-grupp kien huma. Imma Cardona qallu li hemm żewġ gruppi.

10.25 Fix-xhieda tiegħu Muscat isemmi persuna iżda l-Qorti ordnat sabiex ma jixxandarx. Dr Cuschieri jistqasi jekk kinux iltaqgħu ma’ Cardona qabel il-qtil, Muscat jgħid li iva snin qabel. Mistoqsi dwar l-2017 u jekk taħt ġurament kien qalx li fil-ġimgħat u xhur ta’ qabel il-qtil kienu fl-istess bar huwa qal le. Haw’ l-avukat jistaqsih jekk hux ċert u jerġa’ jgħid li le. Mistoqsi jekk ma’ dik il-persuna li isimha ma jistax jixxandar, ġieli kinux fl-istess ħanut, huwa jgħid li iva imma ilu s-snin.

10.30 Issa Muscat jiġi mistoqsi dwar l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta u avukat. Cuschieri jistaqsi jekk kienx Cardona li qed ittihom l-informazzjoni dwar ir-rajds li saru wara l-qtil. Muscat jgħid li ma jafx imma kellu l-impressjoni li kienu ġejjin mill-ministru. Muscat qal li Alfred Degiorgio kien qallu li l-informazzjoni dwar ir-rejds kienet ġejja mingħand Valletta li għaddieha lil avukat. Qal li kien hemm persuna li kienet mibgħuta minn Cardona tgħaddilhom l-informazzjoni.

10.35 Muscat jiġi mistoqsi dwar persuna li isimha ma jistax jixxandar. Jgħid li din il-persuna kienet taħdem ma’ Cardona qabel l-elezzjoni tal-2017 u li darba marret it-tinda tal-patata u bdiet tgħid kontra l-Ministru Cardona għax kien neħħiha mill-Ministeru. Muscat qal li jaħseb li din il-persuna mbagħad bdiet taħdem Kastilja għax kienet issuq karozza ta’ ministeru. Muscat kompla jgħid li Alfred kien viċin ta’ Cardona u li Cardona kien irranġa biex bint Alfred taħdem fil-Ministeru.

10.40 Mistoqsi kienx qrib tal-aħwa Degiorgio jgħid li iva u li dejjem qalulu l-verità għajr darba u għamel referenza għal messaġġ li Degiorgio bagħat dakinhar tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia sabiex jittoppja l-mowbajl li ntuża fil-qtil. Muscat qal li “s-Supretendent Keith Arnaud qalli kieku mhux għal dak it-top up … u qatt ma qaluli u minflok qaluli li aktar George kien se jiġi arrestat u mhux hu”. Mistoqsi jekk iħossx li dak kien tradiment, il-Koħħu wieġeb li iva għax kienu jafu bl-arresti u ma qalulux il-verità u qalulu biex imur fit-tinda tal-patata biex jiġi arrestat magħhom.

10.45 Ħin minnhom instema’ George Degiorgio jgħid lill-avukat biex iwaqqaf kollox, b’Dr Cuschieri prova jikkalmah. George Degiorgio jitlob biex jiġi skużat, bil-Maġistrat twaqqaf is-seduta għal ftit ħin.

10.50 Jiddaħħlu lura l-akkużati. Is-seduta se tkompli.

10.52 Cuschieri jagħmel referenza għal persuna oħra li isimha ma jistax jixxandar, b’Cuschieri jgħid lil Muscat li din il-persuna kienet ukoll qrib il-ministru u kienet taf bil-pjan. Hawn Muscat jikkonferma u jgħid li sa fejn jaf hu din il-persuna kienet taf mingħand Keith Schembri. Haw’ jerġa’ jgħid li jaf dan mingħand wieħed mill-aħwa. Muscat kompla jgħid li din il-persuna dejjem kellha kliem ta’ tifħir għal Schembri u darba kien qallu li lil Schembri bl-Ingliż biss tkellmu. Mistoqsi jekk kienx qalu li kien involut fil-qtil, Muscat wieġeb li le.

11.00 L-Avukat Cuschier jibda jistaqsi dwar il-karozza ta’ Caruana Galizia fil-Bidnija. Musact qal li kemm damu josserva il-karozza qatt ma tħalliet barra għajr darba. Dwar it-tqegħid tal-bomba, Muscat qal li George kien ċempel lilu u lil Alfred u huma ħadu l-bomba fl-għelieqi biex tkun qrib u jevitaw it-traffiku. Qal li Degiorgio qallu biex jieħu l-bomba minn Santa Venera. Qal li mar il-Bidnija għaċ-ċwievet tal-garaxx. Mistoqsi rax lil Alfred jiftaħ il-karozza u jpoġġi l-bomba, Muscat qal li iva. Cuschieri jgħidlu li l-aħħar darba kien xehed li ma kienx rah ipoġġiha. Muscat qal li ma kienx ra l-messaġġ li attiva l-bomba.

Mistoqsi dwar il-mowbajl personali tiegħu, Muscat qal li kien fil-karozza tiegħu bil-batterija maqlugħa. Dwar il-mowbajls ta’ Degiorgio qal li ma kienx jaf fejnhom.

Dwar li George kien fuq il-baħar, Muscat qal li dak kien il-pjan iżda ma jistax jgħid jekk keinx waħdu. Qal li kulma jaf li kellu joħroġ fuq il-baħar bid-dgħajsa tiegħu.

11.10 Cuschieri jibda jistaqsi dwar l-attivar tal-bomba. L-avukat jistaqsih kif wasal għall-konklużjoni li meta qal li George għafas meta għafas u li ħadet fejn ħadet. Muscat jgħid li kien ħdejn Alfred u lanqas semgħu jgħidlu għafas. Qal li malli s-sinjura Caruana Galizia ħarġet qamu minn fejn kienu. Spjega li l-bomba kienet tieħu ftit wara li tagħfasha.

Mistoqsi min kien qed jara bit-tromba, meta ħarġet is-sinjura Caruana Galizia, Muscat qal li Alfred. Qal li kien fuq il-mowbajl ma’ ħuh u Alfred kien qisu rrabjat ma’ ħuh. Qal li fejn kienu huma, ‘l isfel, il-ħajt ma jtikx, ma jidher xejn. Spjega li ra d-duħħan imma ma sema’ xejn.

11.15 L-avukat jistaqsi dwar il-mowbajls. Muscat jgħid li xtraw erbgħa, tlieta għalihom u ieħor għal Melvin Theuma. Qal li kellhom jibdluhom wara li wieħed mit-tfal ta’ Theuma uża l-mowbajl. Qal li wara l-qtil ma kienx hemm aktar bżonnhom. Dwar il-ħlas tal-qtil, Muscat qal li ma rax lil Theuma jagħti l-flus lil Alfred Degiorgio.

11.20 Jerġa’ jissemma t-“tradiment” tal-aħwa Degiorgio fil-konfront tal-Koħħu, Vince Muscat. Haw’ l-avukat jistaqsih jekk kienx staqsiex xi ħaġa kif għadda l-messaġġ. Muscat jgħid li ma kienx staqsa xejn. Qal li kellhom jarrestaw lil George u lilhom jagħmlulhom xi domandi. Qal li l-Pulizija ma kellha xejn fuqu u ma kellhiex għalfejn tasal għalih. Qal li Alfred kien serraħlu rasu li kellhom is-saħħa u li kellhom il-backing minn barra. L-avukat staqsa lil Muscat jekk qattx staqsa lil Alfred kif dawn in-nies (b’referenza għall-ministri) qed jinvolvu ruħhom f’dawn l-affarijiet. Muscat wieġeb li le u qal li għalhekk aktarx Alfred kien jafdah daqstant għax ma kienx jistaqsi domandi. Qal li Alfred qallu li l-Pulizija m’għandhom xejn fuqu u li jista’ jkunu għandhom xi ħaġa fuq George biss. Qal li ma kellux raġuni għala ma jemminx lil Alfred.

11.25 L-avukat jgħid li l-Koħħu kien qal li kellhom jinterrogaw lil Cardona u avukat ieħor. Mistoqsi jekk staqsiex  dan l-avukat x’għandu x’jaqsam, Muscat qal li ma jiftakarx. L-avukat kompla jgħid li magħhom kienu ġew arrestati xi nies oħra. Staqsa jekk Alfred kienx qalu dwar dawn l-arresti, Muscat qal li le u qal li wħud minn dawk in-nies kienu jkunu fit-tinda tal-patata wkoll.

Dwar l-arrest ta’ Cardona u persuna oħra ġew interrogati, Dr Cuschieri jistaqsi meta sar id-diskors ma’ Alfred Degiorgio. Muscat jgħid li waqt li kienu l-ħabs qallu Alfred b’dan kollu, fl-2018. Mistoqsi kien jafx xi ħaġa oħra dwar din il-kwistjoni, Muscat qal li le. Mistoqsi jekk ġieli affaċċjax lil Cardona dwar dan, Muscat qal li le.

11.35 Il-Qorti tissospendi s-seduta għal ftit minuti.

12.30 Tkompli s-seduta. Dr Cuschieri jkompli bil-kontroeżami ta’ Vince Muscat. Huwa jerġa’ jirreferi għall-persuna li isimha ma jistax jixxandar u jistaqsi jekk marritx it-tinda tal-patata wara l-qtil. Muscat iwieġeb li iva u li kien għamel thumbs up u mossa ta’ splużjoni kemm qabel u wara d-delitt. Għall-mistoqsija tal-avukat, Muscat jgħid li din il-persuna kienet taf mija fil-mija dwar il-bomba minn qabel id-delitt.

12.40 Muscat mistoqsi dwar meta ħa lil George Degiorgio Portomaso biex jiltaqa’ ma’ Cardona fl-2015. Huwa qal li l-persuna li isimha ma jistax jixxandar kienet taf dwar il-pjan tad-delitt tal-2014/5 li baqa’ qatt ma seħħ. Qal li kien preżenti meta George Degiorgio beda jagħmel pressjoni fuq din il-persuna għall-flus meta kienu fit-tinda tal-patata.

12.46 Cuschieri jagħmel referenza għall-episodju ieħor, meta Muscat u l-aħwa Degiorgio kienu viċin tal-Mile End ftit jiem qabel l-arresti ta’ Diċembru, 2017.  Muscat spjega li kienu ħdejn il-Mile End, ftit ġranet qabel l-4 ta’ Diċembru tal-2017. Qal li Alfred Degiorgio kien qalilhom iżommu rashom ‘il fuq, lilu l-aktar. Qal li kienu qalulu li se jiltaqgħu ma’ Cardona.Kompla jgħid li wara l-arresti, Degiorgio qalulu biex iqabbad lil David Gatt bħala avukat u għalhekk qal lill-Pulizija hekk. Qal li huwa dejjem irrifjuta l-għajnuna legali.

12.50 L-avukat jirrimarka li fil-ħajja tiegħu Muscat kien imdaħħal fil-kriminalità. Hawn Muscat jistaqsi lill-Maġistrat x’għandu x’jaqsam. Meta staqsih x’kien jaħdem, Muscat qal li kien disabled u ma kienx jaħdem. Meta mistoqsi kif kien isostni l-vizzju tal-logħob, il-Maġistrat qalet li mhux se tħalli lil Dr Cuschieri jistaqsi dawn it-tip ta’ domandi. Cuschieri jtemm il-kontroeżami.

12.55 Jibda l-mistoqsijiet l-avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-familjari ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa jmur lura għal April, 2018 meta Muscat tkellem mal-Pulizija. Mistoqsi jekk jiftakarx kif George Degiorgio kien qallu li kien ma raqadx minħabba xi ħaġa li kien qal u għamel hu, Muscat wieġeb iva. Mistoqsi għala kienu inkwetati, Muscat qal għax huma meta kien jiġi l-avukat Cuschieri biex ikellimhom, qabel wasal qalulu lanqas raqdu għax hu mar iparla d-depot. Mistoqsi kemm kien wara dan id-diskors, Muscat wieġeb madwar jumejn wara. Qal li kienu jafu dwar liema każ kien tkellem mal-Pulizija.

Mistoqsij jekk kinux jafu dwar dak li tkellem mal-Pulizija, Muscat qal li iva. Dr Azzopardi staqsih x’kien qal lill-Maġistrat dwar il-konverżazzjoni li kellu ma’ Degiorgio dwar il-bail. Muscat qal li darba fost l-oħrajn George u Alfred qalulu li rranġaw għall-pleġġ u se jħallsu mitt elf ewro u qed jistennew lill-Imħallef Mizzi meta se jkun xogħol biex itihom il-bail. Muscat kompla jgħid li qabel is-seduta George Degiorgio kien ferħan iżda wara meta ma ħadux il-bail ma kinux f’pożizzjoni tajba. (Dwar dan il-Qorti kienet irrifjutat it-talba, bl-Imħallef Mizzi kien qal li ma kien ġie avviċinat dwar din il-kwistjoni).

1pm Azzopardi jistaqsi dwar mowbajl li kien moħbi l-ħabs. Muscat qal li fl-2018 kienu tpoġġew f’diviżjonijiet differenti. Qal li Alfred kien qalu li hemm 2 mowbajls jiġru l-ħabs u li l-aħwa kellhom wieħed minnhom u kienu ċemplu lil Theuma. 

1.05pm Muscat kompla jgħid li darba l-aħwa Degiorgio u l-avukat tkellmu li jibagħtu ittra lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Qal li l-avukat William Cuschieri kien staqsa kif se jwassal din l-ittra lill-Prim Ministru u huma qalulu jħalli f’idejhom. Qal li riedu li jiffirmawha t-tlieta li huma għalkemm hu ma tantx ħa pjaċi biha.

Muscat kompla jgħid li din l-ittra ma nkitbitx. Qal li ma jiftakarx eżatt x’kien se jinkiteb iżda jiftakar il-frażi “jaf x’inhu jagħmel” li tirreferi għall-qtil. Hawnhekk Dr Cuschieri jistaqsi jekk jaqblux li hu qatt ma kiteb din l-ittra u qatt ma ħadha miegħu l-ħabs. Muscat wieġbu li vera imma qallu li hu kien hemm u jaf x’kien diskuss.  Meta l-avukat qallu li jekk jgħid li dan li qed jgħid mhux minnu, Muscat qallu ħadd ma jista’ jmerri lil għajnejh u widnejh.

Cuschieri kompla jistaqsih jekk jikkonfermax li hu ma kienx konxju ta’ dan. Muscat ikkonferma dan u qal li l-aħwa qalulu dan waqt li kienu qed jistennewh. Hawn il-Maġistrat qalet li kieku l-avukat sema’ sew lix-xhud kien ikun jaf li ċertu diskors sar qabel wasal Dr Cuschieri meta kien imur ikellimhom il-ħabs.

1.10pm Dr Azzopardi m’għandu aktar misotqsijiet u jintemm il-kontro eżami.