X

Direttivi tal-UĦM fl-Aġenzija Sapport jaffettwaw madwar 500 persuna b’diżabbiltà

Hispanic boy in wheelchair

Mal-ħames mitt persuna b’diżabbiltàntlaqtu b’direttivi industrijali tal-Union Ħaddiema Magħqudin li bdew nhar il-Ġimgħa. Il-Union ordnat lill-ħaddiema tal-Aġenzija Sapport biex isegwu azzjonijiet industrijali minħabba kwistjoni dwar il-promozzjonijiet ta’ wħud mill-ħaddiema. Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, Oliver Scicluna qal li filwaqt li jirrispetta d-dritt li l-ħaddiema isemmgħu leħinhom, iħoss li mhux sew li l-persuni b’diżabbiltà jispiċċaw il-vittmi.

Mal-ħames mitt persuna b’diżabbiltà, uħud minnhom tfal ġew affettwati minn direttivi industrijali ordnati mill-Union Ħaddiema Magħqudin minħabba 12-il impjegat li skont il-Union għandhom jingħataw grad ogħla. Id-direttivi affettwaw residenzi ta’ persuni b’diżabilità, ċentri ta’ matul il-jum, u servizzi fil-komunità li jingħataw lil persuni b’diżabilità. Id-direttivi jinkludu twaqqif ta’ komunikazzjoni bit-telefon jew emails, li ma jsirx xogħol ta’ tisjir la fir-residenzi u lanqas fiċ-ċentri ta’ matul il-jum, ma jagħmlux rapporti u lanqas jieħu ordnijiet mill-management.
Ġenituri ta’ persuni b’diżabbiltàqalu lil TVM kellhom iżommu lil uliedhom b’diżabiltà d-djar minħabba dawn id-direttivi.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà Oliver Scicluna qal lil TVM li filwaqt li l-ħaddiema għandhom dritt li jsemmgħu leħinhom, mhux ġust li qed ibatu persuni b’diżabilità fosthom għadd kbir ta’ tfal b’diżabbiltà severa li jiddependu mis-servizzi pprovduti ta’ kuljum.

Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabbiltà qal li l-azzjonijiet ordnati mill-UĦM huma sproporzjonati meta diġà ngħataw żidiet tajbin kemm fil-pagi u f’numru t’allowances. Is-Segretarjat Parlamentari qal li t-talba li qed jagħmel għal 12-il ħaddiem tista’ twassal għal diżgwid fost il-ħaddiema. Is-Segretarjat qal li pprova jilħaq kompromess bi proposta oħra iżda din ġiet irrifjutata mill-UĦM.