Knisja Maltija
Direttur ġdid għall-Caritas Malta

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lis-Sur Anthony Gatt, psikologu, bħala direttur tal-entità tal-Knisja Caritas Malta. Huwa se jkun qed jieħu post Leonid Mckay.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kurja ntqal li Anthony Gatt ser ikompli jaħdem biex il-Knisja, permezz tal-Caritas, issaħħaħ is-servizzi li toffri bla ħlas b’mod partikolari fil-qasam tar-rijabilitazzjoni mid-droga, il-ħidma b’risq il-fqar u l-familji li għaddejjin minn problemi soċjali, u l-ħidma favur il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp tal-persuna.

Anthony Gatt twieled fl-1976, il-Belt Valletta. Huwa psikologu li ilu jaħdem fil-qasam tal-għajnuna soċjali mill-1999. Iggradwa mill-Università ta’ Malta fil-psikoloġija u l-ewwel impjieg tiegħu kien ma’ Caritas Malta bħala kordinatur tal-voluntiera. Għal għaxar snin għamel xogħol volontarju mal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ. Kiseb Masters fil-Counselling Psychology mill-Università ta’ British Columbia f’Vancouver, il-Kanada. Kompla l-ħidma tiegħu bħala psikologu fil-qasam tar-rijabilitazzjoni mid-droga mal-Aġenzija Sedqa. Ħadem għal numru ta’ snin fil-privat qabel ma’ reġa’ ngħaqad ma’ Caritas Malta f’dawn l-aħħar tliet snin. Fil-Caritas kellu r-rwol ta’ kordinatur kliniku fejn ikkordina l-firxa wiesgħa ta’ servizzi u programmi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.

Mill-2004, huwa lettur mistieden (visiting lecturer) fl-Università ta’ Malta fejn jgħallem fil-qasam tal-counselling u l-psikoterapija, il-psikoloġija umanista u l-psikoloġija tal-organizzazjonijiet. Matul is-snin serva fuq diversi bordijiet tal-Knisja u tal-Istat, fosthom il-bord professjonali tal-psikoloġi u l-bord tal-ħabs għar-rijabilitazzjoni mid-droga. Għal diversi snin serva wkoll fil-kunsill tal-Kamra Maltija tal-Psikoloġi.

Anthony Gatt jiddeskrivi lill-Caritas Malta bħala “dar li tagħti wens, serħan u dinjità, tama u fejqan. Dar fejn il-bniedem jagħraf is-sbuħija tiegħu f’komunjoni mal-oħrajn”.

Anthony Gatt huwa miżżewweġ lil Marisa u għandhom ħamest itfal ta’ bejn it-tliet snin u l-14-il sena.

Ara wkoll:

Leonid Mckay maħtur Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar