Lokali
Dirgħajn Schembri jżommu t-tifel li twieled bl-għajnuna tiegħu, illum imfarfar

Il-familja tal-kuntistabbli Simon Schembri tinsab sorpriża bil-progress mgħaġġel li għamel fl-aħħar sigħat anke jekk kelliem għall-familja qal li minħabba n-natura gravi tal-feriti li sofra, it-triq biex jirkupra hija twila ħafna.

Il-familja raddet ħajr lil kull min qed joffri appoġġ iżda appellat għall-ħarsien tal-privatezza u ma tridx li għalissa jkomplu jinġabru flus.

Ix-xahar id-dieħel Julian Cassar se jagħlaq ħames snin. Twieled fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei ħames minuti biss wara li ommu Alexia waslet l-isptar bis-saħħa tal-iskorta ta’ tliet pulizija tat-traffiku wara li l-karozza misjuqa minn żewġha Jesmond inqabdet fit-traffiku.

Fost it-tliet Pulizija li servew ta’ anġli kustodji f’din il-ġrajja ħames snin ilu, kien hemm Simon Schembri li ngħata privileġġ iħaddan it-tarbija tal-koppja Cassar li qatt ma tinsa l-opra tiegħu.

L-inċident tat-Tlieta li għadda f’Ħal Luqa kien ukoll bħal stallett għall-familja Cassar, iżda iktar u iktar għall-familja ta’ Schembri nnifsu, li saħansitra sejħet biex tkun rispettata l-privatezza tagħha. Sadanittant, il-ħabib tiegħu u tal-familja Schembri, l-Ispettur Herman Mula, qal li l-kundizzjoni ta’ Schembri kompliet ġejja għall-aħjar.

“Il-bieraħ fetaħ għajnejh, qal l-ewwel kliem, illum iċċajtajna naqra flimkien ukoll, jiġifieri anke bħala burdata hija xi ħaġa pożittiva ħafna, biss però l-qagħda tiegħu hija kritika u l-ġrieħi huma serjissimi, però l-progress qiegħed hemm u dik hija xi ħaġa li tagħmel ħafna kuraġġ,” qal l-Ispettur Mula.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-investigazzjoni dwar dal-każ hija sensittiva u t-tixrid ta’ informazzjoni, fosthom filmati u ritratti tal-inċident, jaf ikunu ta’ ħsara għall-familja.

F’kummenti lil TVM, l-Ispettur Mula qal li l-familja tal-kuntistabbli tixtieq tirringrazzja lill-investigaturi u lill-pubbliku tal-appoġġ inkredibbli, fosthom lil dawk li ħadu inizjattiva jiġbru fondi.

“Il-familjari jixtiequ li l-ewwel jagħmlu assessment tal-affarijiet u l-ispejjeż li se jkollhom bżonn, u jekk ikunu jistgħu ilaħħqu magħhom, ġabriet għandhom isiru għal min vera jkollu bżonn,” qal l-Ispettur Mula.

Fi stqarrija konġunta, il-Police Officers Union, il-Malta Police Association u l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija rtirati ħabbru li s-Sibt li ġej filgħodu se jorganizzaw mixja ta’ solidarjetà miftuħa għall-kulħadd minn Pjazza San Ġorġ sa quddiem il-Parlament. Il-mixja se ssir b’solidarjetà mal-membri tal-Korp li b’sogru għalihom u għall-familji tagħhom jgħaddu minn tbatija kbira.

Aħbarijiet Oħra
Elezzjoni

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat qal li hu l-iktar prim ministru li reħa poteri minn idejh. Dr Muscat qal li l-prim ministri kollha ta’ qablu kellhom aktar…

Politika

L-aħħar dwell politiku bejn iż-żewġ mexxejja politiċi ewlenin f’dibattitu televiżiv kien mill-aktar ċivili bil-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jesponu l-argumenti tagħhom li jirribattu b’korteżija l-argumenti ta’…

Elezzjoni

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li fi ftit snin, il-Gvern irnexxielu jkasbar isem Malta li dejjem gawdiet reputazzjoni tajba taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti. F’attività politika fil-Mosta, Dr Delia qal li…

Aktar