Xogħol
Diskuss id-dritt li wieħed jaqta’ mid-dinja tax-xogħol

Waqt konferenza tal-MEUSAC, li għaliha attendew diversi entitajiet fosthom korpi kostitwiti ġie diskuss id-dritt li wieħed jaqta’ mid-dinja tax-xogħol wara li jtemm il-ħin stipulat ta’ ħidma. Studji varji fosthom Ewropej u anki fl-Istati Uniti ħareġ li ‘l fuq minn 80% tal-ħaddiema jibqgħu jirrispondu emails u messaġġi wara l-ħinijiet tax-xogħol li joħloq stress u ansjetà fuq il-moħħ. Wara l-konferenza, il-MEUSAC se tgħaddi dokument bi proposti lill-awtoritajiet bil-għan li din il-kwistjoni tiġi indirizzata.

Studji li saru kemm fl-Ewropa u anki fl-Istati Uniti sabu li ‘l fuq minn tmenin fil-mija tal-ħaddiema jibqgħu jaħdmu wara l-ħin tax-xogħol billi jirrispondu l-emails, messaġġi u telefonati relatati max-xogħol tagħhom.

Kumpaniji Ġermaniżi diġà bdew jimplimentaw miżuri biex il-ħaddiema jieqfu jużaw mezzi tal-komunikazzjoni b’rabta max-xogħol tagħhom minħabba li dan kien qed jikkawża stress qawwi.

F’dan l-isfond il-MUESAC organizza konferenza mal-imsieħba soċjali u entitajiet oħra dwar l-hekk imsejjah Right to Disconnect.

Il-Kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon qalet li l-konferenza kellha l-għan li tagħrbel din il-kwistjoni u tagħmel proposti biex jitressqu lill-awtoritajiet.

“Illum il-ġurnata bit-teknoloġija saret iktar diffiċli wara x-xogħol jirnexxielu jaqta’ kompletament, naħseb kulħadd jagħmilha, emails, messaġġi, iktar mhu se jkun hemm teknoloġija iktar se tkun diffiċli biex wieħed jaqta'”.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John Cachia qal li meta wieħed jibqa’ f’kuntatt mad-dinja tax-xogħol meta suppost qed jistrieħ jew jqatta’ l-ħin mal-familja jew ma’ nies għeżież għalih, johloq anzjeta u ikollu effett ħażin fuq is-saħħa mentali. Dr Cachia qal li waħda mill-proposti tiegħu hi li ħaddiem jagħraf jikkontrolla u jieqaf jaħdem wara l-ħin normali tax-xogħol iżda hemm ukoll id-dmir ta’ min iħaddem.

“Min imexxi ikun responsabbli jara x’inhu urġenti u jitlob l-interventi immedjati biss fil-ħinijiet għal dawk li huma urġenti u importanti”.

Il-Kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon qalet li l-proposti miġbura mill-konferenza se jinġabru f’dokument li se jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet bil-għan li jitfassal qafas leġiżlattiv li jagħti d-dritt lill-ħaddiema li jieqfu jaħdmu anki b’mod diġitali wara l-ħin tax-xogħol.