Parlament
Diskuss it-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi li jwaqqaf l-awtorità dwar il-bini u l-kostruzzjoni

Il-Kamra tad-Deputati bdiet id-diskussjoni fit-tieni qari fuq abbozz ta’ liġi li jwaqqaf l-awtorità dwar il-bini u l-kostruzzjoni u li se tirregola is-settur fosthom bil-ħruġ ta’ kodiċi li jiġbor fih il-liġijiet kollha marbuta mas-settur u li llum huma mferrxa f’liġijiet li jolqtu minsiteri u istituzzjonijiet differenti.

Is-Segretarju Parlamentari għall-artijiet u l-kostruzzjoni Chris Aġius li ressaq l-abbozz qal illi l-Awtorità l-ġdida se tassigura li l-fazijiet kollha tal-bini jkunu regolati b’mod riġoruż skont standards Ewropej waqt li se jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni.  Huwa qal li r-regolamenti ġodda se jinġabru f’kodiċi nazzjonali dwar il-bini li minn zmien għal żmien ikun aġġornat biex jassigura li l-istandards jinżammu u bi ħruġ  ta’ kodiċi oħra dwar setturi partikulari bħat-twaqqigħ u l-iskavar u l-inġinerija sanitarja fost affarijiet oħra. Semma’ illi s-sidein ta’ kull binja ġdida se jingħataw ktejjeb dwar is-servizzi fil-binja u l-permess maħruġ mill-awtorità ta’ bini u kostruzzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li l-awtorità l-ġdida se tieħu ħafna mill-funzjonijiet tal-bord konsultattiv tal-industrija tal-bini, tal-uffiċċju u l-bord dwar ir-regolamenti tal-bini.

Huwa tkellem dwar l-inċidenti li jseħħu fuq il-post tax-xogħol fejn 15 fil-mija tal-inċidenti kollha fl-2018 kienu jolqtu l-industrija tal-bini.  Huwa qal li sfortunatament is-sena li għaddiet kien hemm żewġ disgrazzji fatali f’siti ta kostruzzjoni fejn inqatlet is-Sinjura Miriam Pace fil-Ħamrun u ħaddiem barrani f’Bormla.  Waqt li qal li ebda liġi ma tiggarantixxi li ma jseħħux inċidenti, qal li jekk ir-regolamenti jkunu seġwiti l-inċidenti jonqsu sew.  Qal li s-sena li għaddiet żdiedu lgġħadd ta’ spetturi li jwettqu spezjzonijiet fuq siti ta’ kostruzzjoni u uffiċjali amministrattivi oħrajn.  Daħlet ukoll sistema ġdida ta’ liċenzjar tal-bennejja waqt li l-kuntratturi jridu jkunu liċenzjati wkoll.

Is-Sur Agius qal li s-sena li għaddiet kien hemm erba’ każijiet li riferuti l-Qorti u erba’ siti ta’ kostruzzjoni ġew issiġillati, ħarġu wkoll 43 avviż ta’ infurzar u ngħataw 38 multa.  Saru wkoll mal-2500 ilment mal-aġenzija tal-kostruzzjoni.