Lokali
Diskussjoni biex jiżdiedu l-bajjiet li fihom jistgħu jgħumu l-annimali

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali qalet li għaddejja diskussjoni biex jiżdiedu l-bajjiet li fihom jistgħu jgħumu l-annimali. Għalkemm, ma żvelatx liema huma dawn il-bajjiet ġodda li fihom jistgħu jittieħdu fost l-oħrajn il-klieb jgħumu ma’ sidhom. Alison Bezzina qalet li d-deċiżjoni dwar jekk bajja tkunx miftuħa wkoll għall-klieb hija f’idejn id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Hija spjegat ma’ TVM li d-deċiżjoni mhux mistennija tittieħed qabel jintemm dan is-sajf.

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina qed tipproponi li jiżdiedu l-bajjiet li fihom ikunu jistgħu jgħumu l-klieb.

F’Malta hawn seba’ bajjiet li fihom jistgħu jgħumu l-klieb waqt li f’Għawdex hemm tnejn. Il-bajjiet f’Malta huma l-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara, ix-Xatt tas-Sajjieda f’Marsaxlokk, Tigne Point f’Tas-Sliema, Baħar iċ-Ċagħaq, l-Imġiebaħ f’Selmun, Daħlet ix-Xmajjar fl-Armier u l-Ponta taż-Żonqor f’Wied il-Għajn, waqt li f’Għawdex huma l-bajja magħrufa bħala Taħt il-Batterija tal-Qbajjar fl-inħawi tax-Xwejni u dik ta’ Trejqet Mġarr ix-Xini.

“Barra l-bajjiet li huma uffiċjalment dog friendly hemm bajjiet oħra fejn ma jitteħidx samples mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, fejn jekk diġà huma bil-blat, diġà huma dog friendly però mhumiex uffiċjalment allura qed nagħmlu rakkomandazzjoni li nsibu dawn il-bajjiet u nagħmluhom uffiċjalment dog friendly.”

Il-Kummissarju Bezzina qalet li fil-gżejjer Maltin hawn 87 żona tajbin għall-għawm u li fihom ma jistgħux jittieħdu klieb fihom speċjalment il-bajjiet tar-ramel li minnhom il-klieb huma projbiti s-sena kollha.

“Jiġifieri imbilli nżidu daqsxejn kumdità għal dawk li għandhom il-klieb anki minħabba l-fatt li d-dog friendly beaches li għandna ħafna minnhom mhumiex aċċessibbli easily. Jiġifieri min ikollu problema ta’ mobilità jew klieb żgħar lanqas huma tajbin għalih allura għandna bżonn naħdmu iżjed biex nagħmlu l-ħajja daqsxejn iktar faċli lil min irid jitratta l-kelb tiegħu bħala membru tal-familja.”

Id-deċiżjoni dwar jekk bajja tkunx miftuħa wkoll għall-klieb hija f’idejn id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali stqarret li mhux se jkun hemm deċiżjoni dwar bajjiet addizzjonali qabel jispiċċa s-sajf għaliex il-proċess huwa kkumplikat ħafna.

“Qegħdin naħdmu fuq regolamenti li huma linji gwida anki tad-WHO mhux kemm tgħid taqbad post. U Malta hija żgħira, il-kwalità tal-ilma li huwa tajjeb għall-għawm għall-bniedem huwa importanti ħafna għall-pajjiż jiġifieri mhix xi ħaġa faċli u li se ssir ta’ malajr però mhux se nieqfu nippruvaw.”

Il-Kummissarju Bezzina ilmentat li l-bajjiet li fihom jistgħu jgħumu l-klieb, mhumiex immarkati u qalet li anzi f’ċerti postijiet kien hemm saħansitra tabelli li jgħidu li l-klieb ma jistgħux jgħumu. Qalet li se jibdew il-proċess li jduru dawn il-bajjiet biex ikunu mmarkati b’mod ċar li huma bajjiet li fihom jistgħu jgħumu l-klieb.