Edukazzjoni
Diskussjonijiet mal-MUT dwar ħlas għall-istudenti waqt it-teaching practice

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li m’hemm l-ebda qbil dwar il-posibiltà li jiġu impjegati għalliema barranin, iżda bdew diskussjonijiet mal-Union tal-Għalliema. Il-Ministru Bartolo kien qed jitkellem fil-programm Edukalink fuq Radju Malta. Huwa tkellem ukoll dwar diskussjonijet mal-MUT biex l-istudenti li jkunu qed jagħmlu l-prattika fl-iskejjel, jibdew jitħallsu minbarra li jkollhom ukoll l-istipendju.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li fix-xhur li ġejjin se jkomplu jittieħdu iktar inizjattivi biex jitjiebu l-kundizzjoni tal-edukaturi fosthom li jibdew jitħallsu l-istudenti għalliema li jkunu qed jagħmlu l-prattika fl-iskejjel.

“Dehrilna li dan huwa pass li għandu jittieħed għaliex mod li tieħu t-tagħlim tiegħek fuq il-bank tal-Università u mod ieħor li tkun qed twettqu fil-prattika. Allura dawn se jitħallsu wkoll minbarra l-istipendju”.

Waqt il-programm Edukalink fuq Radju Malta, il-Ministru Bartolo rrefera għal possibiltà li fix-xhur li ġejjin se jiġu impjegati għalliema barranin. Huwa qal li għalkemm bdew id-diskussjonijiet mal-MUT, għad m’hemmx qbil dwar dan u żied jgħid li diġà hemm għalliema barranin fl-iskejjel mhux tal-Gvern u anke letturi fl-Università. Qal li l-ewwel preferenza tibqa’ dik li tissaħħaħ il-qagħda tal-edukaturi Maltin.

“Dmirna li naraw li nieħdu kull pass neċessarju biex inħeġġu iżjed persuni jidħlu f’dan ix-xogħol nobbli tal-edukazzjoni u rrid ngħid ukoll li se nippruvaw niġbdu lura lejn il-professjoni, dawk li jkunu irtirati u jkunu lesti jerġgħu lura.”

Saħaq fuq il-ħtieġa li l-ġenituri infushom għandhom ir-responsabiltà aħħarija li jiggwidaw lil uliedhom b’valuri tajba.

“Ħafna edukaturi qed jaraw nuqqas ta’ dixxiplina mit-tfal. Irridu nrawmu soċjetà li għandha drittijiet, u anke t-tfal għandhom drittijiet. Però ma rridux ninsew li hemm id-dmirijiet ukoll”.

Il-Ministru Bartolo ħabbar li fis-sena skolastika li se tiftaħ daqt, iktar minn 24,000 student se jagħmlu użu mill-iskema ta’ trasport bla ħlas li se tiskorri l-€25 miljun li jitħallsu mill-Gvern. Ikkonferma wkoll li l-liġi l-ġdida tal-edukazzjoni se tkun diskussa malli jerġa’ jiftaħ il-Parlament.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Tela’ s-siparju fuq id-disa’ edizzjoni tal-Festival Żigużajg, li ser isir fuq medda ta’ għaxart ijiem. Din is-sena mal-130 artist qed jieħdu sehem f’numru ta’ proġetti artistiċi, li fi kliem id-Direttur…

Saħħa

Fl-isptar Mater Dei fil-preżenza ta’ uliedu Sonia u Charlene, Publius Borg kien jidher fi stat ta’ saħħa tajba, jumejn biss wara li sarulu intervent f’qalbu biex jevita attakk ta’ puplesija….

Kultura

Malta mogħnija b’mużewijiet u siti storiċi b’valur u wirt kulturali mprezzabbli fosthom il-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu fl-Ewropa li għadu miftuħ għall-pubbliku. Fil-ħsieb ta’ ħafna nies, il-mużewijiet u…

Lokali

L-Avukat Jean-Pilippe Chetcuti qal li d-ditta legali li huwa msieħeb fiha tilqa’ r-rapport li sar mill-uffiċċju tar-regolatur taċ-ċittadinanza b’investiment (IIP), b’rabta ma’ dak li xxandar minn programm televiżiv Franċiż fuq…

Aktar