Kemm nitħallsu aħna l-Maltin meta mqabbla mal-Ewropej?

Il-Paga medja f’pajjiżna hija bejn wieħed u ieħor dik ta’ għoxrin elf ewro fis-sena. L-irġiel huma mħallsa medja ta’ erbat elef ewro iktar minn nisa. Il-pagi eżistenti f’pajjiżna huma ġustifikati meta komparati mal-infieq li jsir mill-familji Maltin ta’ kuljum? Il-ġid li qiegħed jinħoloq qiegħed jinfirex ma kulħadd?

L-istatistika turi li l-paga minima u l-paga medja f’Malta huma inqas minn dawk stabbiliti fl-Unjoni Ewropea. Rigward dan Josef Vella, segretarju ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin spjega li meta wieħed jikkunsidra l-paga medja fuq bażi ta’ siegħa f’Malta u tiġi komparata ma’ dik fl-Unjoni Ewropeja nsibu distakk qawwi. Fil-fatt f’Malta l-paga medja fis-siegħa hija dik ta’ ħmistax-il ewro filwaqt li dik fl-Unjoni Ewropea hija dik ta’ ftit iktar minn sebgħa u għoxrin ewro fis-siegħa. Vella tenna li wieħed irid jieħu dan f’kuntest mal-għoli tal-ħajja tal-pajjiż, meta nikkunsidraw l-għoli tal-ħajja f’Malta il-paga medja f’pajjiżna tieħu daqqa ikbar.

Josef Bugeja segretarju ġenerali tal-General Workers Union spjega li l-faxex tal-paga f’pajjiżna huma viċin ħafna ta’ xulxin, għalhekk jekk tiżdied paga f’faxxa minnhom se jinħoloq effett immedjat fuq il-faxex l-oħra. Bugeja saħaq li għandna nanalizzaw aħjar kif it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż qiegħed jinfirex, filwaqt li nikkunsidraw ukoll il-benessere tal-ħaddiema u l-familji Maltin.