COVID-19
Ditta tal-ħwejjeġ immultata €3 miljun talli rreklamat ħwejjeġ “li jwaqqfu” il-Covid

Kumpanija Awstraljana li tipproduċi ħwejjeġ sportivi kienet immultata 5 miljun dollaru Awstraljan, ekwivalenti għal €3 miljun, wara li nstabet ħatja li rreklamat il-ħwejjeġ tagħha bħala tajbin biex ma tieħux il-Covid.

Il-kumpanija Lorna Jane kienet sostniet li wżat it-teknoloġija LJ Shield biex tipproduċi ħwejjeġ li jwaqqfu t-tixrid tal-organiżmu li jikkawża l-mard inkluż il-Covid.

Madankollu mħallef li sema l-kawża li tressqet quddiemu mill-kummissjoni Awstraljana li tirrappreżenta lill-konsumatur ikkonkluda li hija għamlet dikjarazzjonijiet li ma kinux veritieri.

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Bill Clarkson qal li huma kienu qed jaċċettaw id-deċiżjoni tal-imħallef u sostna li min ipprovdilhom il-ħwejjeġ ma għamilx dan kif imwiegħed lilhom.

Il-ġimgħa li għaddiet il-kumpanija kienet immultata 40,000 dollaru Awstraljan wara li nstabet ħatja ta’ reklamar falz.

Il-kumpanija Lorna Jane twaqqfet 30 sena ilu minn Lorna Jane Clarkson, Ingliża li emigrat lejn l-Awstralja mal-familja meta kienet għadha tifla.