COVID-19
Ħu l-leave llum u aħdem għalih darb’oħra…

Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali qed jaħdem ma’ bosta intrapriżi biex fejn huwa possibbli jiġu aġġustati l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-kumpaniji li l-operat tagħha ġie affettwat mill-kriżi tal-pandemija. Id-Direttur Ġenerali Diane Vella, qalet li bi ftehim mad-diparitment diversi kumpaniji għamlu arranġamenti alternattivi għal ħaddiema tagħhom fosthom li jaħdmu ġimgħa tax-xogħol imnaqsa.

Diversi postijiet tax-xogħol li raw l-operat tagħhom jieħu tisbita minħabba l-pandemija tal-coronavirus qed jitolbu l-permess tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi biex jaġġustaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment Diane Vella qalet li fi tliet ġimgħat, id-Dipartiment ħareġ mitejn permess temporanju biex kumpaniji jnaqqsu s-sigħat tal-ħaddiema u qed jiġu pproċessati mal-mitt applikazzjoni oħra.

“Permessi ta’ 4 t’ijiem xogħol f’ġimgħa, tliet ijiem xogħol, għoxrin siegħa xogħol fil-ġimgħa – skont ix-xogħol xi jkun.”

Waqt li saħqet li min iħaddem ma jistax jaqbad u jbiddel il-kundizzjonijiet tax-xogħol mingħajr permess, id-Direttur Ġenerali qalet li hemm diversi miżuri temporanji li qed jintużaw. Semmiet fost dawn l-użu ta’ leave bi ħlas u s-sistema li jnaqsu s-sigħat tax-xogħol issa u jpattu għalihom ‘il quddiem.

“Bħalissa qed jaħdmu inqas però mbagħad dawk is-sigħat jużawhom hopefully at a later stage meta s-sitwazzjoni tkun xi ftit jew wisq tkun marret għall-aħjar u allura jkollhom bżonn is-sigħat tal-ħaddiema biex ikunu jistgħu jerġgħu jdawru r-rota mill-ġdid. ”

Is-Sinjura Vella qalet li l-applikazzjonijiet biex ikunu aġġustati l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema qed isru fost oħrajn mil-lukandiera, kumpaniji tal-ivvjaġġar, skejjel tal-Ingliż, servizz ta’ trasport u kiri ta’ karozzi.

Qalet li min iħaddem ma jistax inaqqas ir-rata ta’ ħlas u lanqas jista’ jaqleb lill-ħaddiema minn full time għal part time.

“Jagħmlu kuntatt mad-Diaprtiment biex inkunu nistgħu ngħinnuhom biex minn full time inġubhom ‘full time reduced hours’ iżda mhux part time għax il-kunċett mhux l-istess.”

Dwar ħaddiema b’kuntratt definit u twaqqfu ħabta u sabta mix-xogħol, qalet li anke dawn ghandhom drittijiet li jridu jiġu rispettati.

“Jekk għandek sa Novembru, l-employer irid iħallas nofs il-pagi li kieku ser jiġu maħduma sa Novembru; l-istess li kieku l-impjegat kieku qabad u telaq – kienet tkun l-istess ħaġa.”

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Carmelo Abela qal li dan l-eżerċizzju mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali qed jieħu wkoll inkonsiderazzjoni l-għajnuna li l-Gvern qed jipprovdi lill-intrapriżi milquta minn din il-kriżi.

“Kellna madwar elf telefonata kuljum plus tliet mitt email oħra bit-total ikun ta’ 1,300 kuljum ta’ telefonati u emails li qed isaqsu dwar kif ser jaffetwahom il-pakkett li ħabbar il-gvern u jistaqsu dwar min iħaddimhom hux jimxi b’mod ġust skont il-ftehim bejn l-isħab soċjali fl-MCESD”.

Il-Ministru Abela emfasizza li min ma jistax iżomm mal-miżuri li tħabbru obbligat jikkuntattja lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali biex isiru arranġamenti alternattivi.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Wara kważi erbgħin jum fuq il-baħar, il-Gvern Malti ddeċieda li jdaħħal f’Malta lill-immigranti li kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret…

Enerġija

L-istudju għall-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja qed jiffinalizzaw l-istudji biex jiġi ppreżentat ukoll ir-rapport tal-impatt…

Stejjer Umani

Imweġġa’ bil-qtil brutali tal-Afro Amerikan George Floyd fl-Istati Uniti u bil-qtil razzista wkoll tal-immigrant Lassana Cisse s-sena li għaddiet, Martina Borg marret fuq il-midja soċjali b’messaġġ emozzjonali kontra r-razziżmu. It-tfajla…

Aktar