Qorti
DJ li tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku jinżamm responsabbli għal dak li ġara

DJ li fl-2016 tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku ngħata t-tort għal dak li ġara bis-sewwieq mixli bil-qtil involontarju tiegħu jiġi meħlus.

L-inċident kien seħħ fid-29 ta’ Mejju għall-ħabta tas-6.45 p.m. fi Triq Santa Tereża f’Bormla u kien jinvolvi tlett karozzi.

Fl-inċident tilef ħajtu Emanuel Micallef ta’ 47 sena mill-Birgu magħruf bħala DJ Lito.

Dwar dan il-każ kien mixli Jason Zammit li minbarra l-qtil involontarju kien akkużat ukoll li saq vettura b’manjiera traskurata u perikoluża u li kkaġuna ħsara fil-vettura tal-vittma.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Nadine Lia rriżulta li Micallef kien nieżel b’Toyota Aygo minn Triq Santa Tereża lejn Misraħ Gavino Gulia.

Quddiemu kien għaddej Zammit isuq Toyota Vitz u Micallef ipprova jaqbżu.

Peress li minn faċċata kienet ġejja Ford Fusion misjuqa minn Joseph Incorvaja, Micallef ipprova jerġa’ jidħol fil-karreġġjata u laqat il-vettura ta’ Zammit.

Bid-daqqa l-karozza ta’ Micallef inqalbet u r-raġel spiċċa maqbud fiha fejn kellu jinħareġ minnha bl-intervent tal-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Huwa kien ċertifikat mejjet fuq il-post u mill-awtopsja rriżulta li kien sofra ksur f’moħħu.

Esperti li xehdu fil-Qorti kkonkludew li huwa kien taħt l-effett tax-xorb, kellu wkoll traċċi ta’ kannabis u kien qed isuq b’mod eċċessiv.

Kienu dawn ir-raġunijiet li wasslu lill-Maġistrat Lia biex tiddeċiedi li kien il-vittma li jaħti għal dan l-inċident traġiku. Hija għalhekk illiberat lil Zammit mill-akkuża tal-qtil involontarju.

Fl-istess waqt hija sabitu ħati li saq b’manjiera traskurata meta daħal fi triq sekondarja u għamel manuvra bir-‘reverse’ għalkemm sostniet li din il-manuvra ma kkaġunatx il-ħabta. Għal din il-ħtija mmultatu €232.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mis-Supretendent Josric Mifsud.